Wednesday, January 21, 2026

Il-GWU se tibqa’ preżenti, determinata u impenjata favur il-ġid komuni

- is-Segretarju Ġenerali tal-GWU Josef Bugeja

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

F’diskors li għamel, li bih għalaq il-Kungress Nazzjonali tal-General Workers’ Union 2026, is-Segretarju Ġenerali tal-GWU Josef Bugeja żvela li l-Ftehimiet Kollettivi u Settorjali li għamlu t-Taqsimiet f’dawn l-aħħar snin wasslu biex il-ħaddiema gawdew minn miljuni ta’ ewro bħala żidiet fil-pagi u benefiċċji finanzjarji oħra.

Waqt li qal li l-ħidma tal-unjin ma waqfitx hemm, huwa enfasizza li l-GWU se tibqa’ preżenti, determinata u impenjata favur il-ġid komuni. “Flimkien biddilna l-passat. Ċert li flimkien se nibnu futur aħjar,” qal Bugeja.
Huwa tenna li l-GWU hi l-akbar unjin, bl-aktar firxa ta’ postijiet tax-xogħol fil-pajjiż. Qal li dan huwa l-mument kollettiv ta’ moviment sħiħ.

Huwa ċ-ċelebrazzjoni ta’ unjin li hija l-vuċi ta’ eluf ta’ ħaddiema f’kull post tax-xogħol, il-vuċi ta’ eluf ta’ żgħażagħ u pensjonanti filwaqt li tat vuċi lill-vulnerabbli, lil dawk abbużati u sfruttati. Il-GWU hija wkoll il-vuċi ta’ empatija, solidarjetà, nazzjonali u internazzjonali.

Bugeja għamel referenza wkoll għall-ħidma tal-unjin fuq livell nazzjonali matul dawn l-aħħar snin fejn saru riformi kbar u bla preċedent fid-dinja tax-xogħol u fil-qasam soċjali. F’dan kollu, il-parteċipazzjoni tal-GWU kienet dejjem waħda attiva u kostruttiva.

“Dan għamilnieh u nistgħu nkomplu nagħmluh għax għandna fora fejn niddibattu u niddiskutu u b’hekk insiru nafu u nħossu l-polz tal-ħaddiema,” qal Bugeja. “Dak li jiddistingwina hi s-serjetà, il-kredibilità u r-responsabbiltà li għandna lejn is-soċjetà inġenerali.”

Huwa fakkar li kienet il-GWU li qajmet il-kwistjoni tal-abbuż u l-isfruttament tal-ħaddiema tal-pjattaforma. Kienet vuċi soda u voċifera fuq il-ħtieġa ta’ liġi li tirregola dawn il-ħaddiema.

Bugeja fisser li kienet ukoll il-GWU li qanqlet il-kwistjoni tal-prinċipju kruċjali u bażiku tal-ħlas ugwali għal xogħol tal-istess valur, kwistjoni li kienet qed tweġġa’ ħafna eluf ta’ ħaddiema.

Irrefera wkoll għall-Viżjoni Malta 2050 bħala li kienet waħda mill-ħolmiet tal-GWU. Fil-fatt, il-GWU kienet għamlet proposta bħal din fl-2008 u dan għaliex il-GWU dejjem emmnet il-ħtieġa li pajjiżna jkollu viżjoni fejn irid imur u kif se jasal fid-destinazzjoni. Illum qed naraw li din il-ħolma qed isir realtà.

Huwa ma naqasx li jsemmi li għad fadal ħafna xi jsir partikolarment fuq ir-Right to Disconnect, il-Wage Regulations Orders u diversi Ftehimiet Kollettivi.
Fuq livell Ewropew u Internazzjonali, il-GWU wasslet il-vuċi tal-ħaddiema mal-Maltin kemm mill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew kif ukoll fl-ILO, l-ETUC u l-ITUC.
Is-Segretarju Ġenerali tal-GWU semma wkoll il-ġlieda li kellha tagħmel il-GWU biex iżżomm il-binja tagħha, tal-Workers’ Memorial Building. Huwa qal li l-GWU ħadmet b’determinazzjoni, ċertezza, sens ta’ responsabbiltà u mingħajr konfront bla bżonn. F’dan il-kuntest, il-Qorti tat aktar minn darba raġun lill-GWU.

“Din kienet rebħa mhux għall-GWU biss imma għall-ħaddiema kollha u l-moviment trejdunjonistiku,” qal Bugeja. “Żgurajna wkoll li dak li għaddejna minnu ma nerġgħu ngħaddu minnu qatt.

Dwar dan, huwa rringrazzja lill-Prim Ministru tal-impenn tiegħu u lill-Gvern għall-vot storiku tagħhom biex flimkien assigurajna l-futur.

Huwa reġa’ tenna t-twemmin tal-GWU favur id-djalogu soċjali bħala pilastru tad-demokrazija f’pajjiżna. Semma wkoll li l-unjin ma waqfitx milli tkompli tressaq proposti li biddlu l-mod kif illum qed inħarsu lejn id-dinja tax-xogħol u l-ħaddiema.

Dwar l-isfidi tal-futur, Bugeja qal li fuq quddiem nett hemm in-nuqqas ta’ ħiliet dwar l-Intelliġenza Artifiċjali, minn nuqqas ta’ ħaddiema għall-abbużi u sfruttament. F’dan kollu, il-GWU temmen li l-edukazzjoni hi l-pedament tal-mobilità soċjali tal-ħaddiema.

Fl-aħħar nett, huwa b’mod personali qal li dejjem emmen fit-tiġdid u fl-evoluzzjoni ta’ kull organizzazzjoni. Dan wassal biex il-GWU tkompli żżomm f’pożizzjoni stabbli, b’saħħitha u rispettata lokalment u internazzjonalment.
Fi tmiem id-diskors tiegħu, huwa rringrazz

ja lill-eks President tal-GWU Victor Carachi u lill-eks Segretarju David Darmanin tal-ħidma tagħhom matul is-snin. Fl-istess waqt huwa awgura lis-Segretarji u l-uffiċjali kollha tal-ħatra tagħhom għal terminu ieħor, partikolarment lill-President il-ġdid Jason Deguara u lil Kevin Abela għall-ħatra tiegħu ta’ Segretarju Internazzjonali.

Irringrazzja wkoll lill-amministrazzjoni, Segretarji, assistenti, uffiċjali, delegati u l-ħaddiema kollha tal-unjin għall-ħidma kontinwa tagħhom

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport