Saturday, November 23, 2024

Il-GWU tiddiskuti d-direttiva tal-UE dwar il-paga minima

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

L-amministrazzjoni ċentrali tal-GWU u s-segretarji tal-unjin iddiskutew mal-Ministru Carmelo Abela d-direttiva li qed tipproponi l-UE dwar il-paga minima.

Abela huwa l-ministru responsabbli mill-iżvilupp sostenibbli, l-implimentazzjoni tal-manifest elettorali u d-djalogu soċjali.

Fil-laqgħa pparteċipaw f’isem il-GWU l-President Victor Carachi, is-Segretarju Ġenerali Josef Bugeja, il-Viċi-Segretarju Ġenerali Kevin Camilleri kif ukoll diversi segretarji tat-taqsimiet.

Carachi beda biex irrimarka li għalkemm id-djalogu soċjali huwa attiv fl-MCESD laqgħat bħal dawn jagħtu lok lis-segretarji tat-taqsimiet jippreżentaw l-isfidi li qed jiffaċċjaw.

Bugeja irringrazzja lil Abela talli mhux biss jisma x’għandha xi tgħid il-GWU u l-imsieħba soċjali imma anke jaġixxi.

Huwa irrefera għad-direttivi li qed jiġu diskussi fi ħdan l-UE dwar il-paga minima u t-tip ta’ xogħljiet ġodda.

Dwar id-direttiva b’rabta mal-paga minima Bugeja sostna li hemm modi differenti kif il-pajjiżi jħarsu lejha b’min jaqbel u min le.

Fl-istess waqt li semma kif Malta ilha li daħħlet il-kunċett tal-paga minima, Bugeja qal li huwa jaqblu mad-direttiva b’mod ġenerali u taqbel li jew tkun 60% tal-‘gross medium wage’ jew 50% tal-‘gross average wage’.

Il-GWU hija favur ukoll mal-proposta li l-‘collective coverage’ jitla’ għal 70% meta llum f’pajjiżna hija ta’ 60%.

Dwar il-‘gig economy’, jiġifieri tipi ġodda ta’ xogħol, huwa semma kif dawk involuti fit-trasport qed ibatu minn kundizzjonijiet ħżiena bl-agħar milquta dawk li jqassmu l-ikel.

Huwa sostna li l-ikbar ‘issue’ hija li m’hemmx kuntratt ta’ impjieg bejn il-ħaddiem u min iħaddmu u semma kif xufier stqarr miegħu kif biex jaqla €200 f’ġimgħa jrid jaħdem 100 siegħa.

Bugeja semma wkoll li jekk isir ilment fil-konfront ta’ impjegat sid l-‘app’ jista’ jagħlaqlu l-‘account’ u l-persuna tispiċċa bla xogħol inkella jkun hemm ilment u l-impjegat ikollu jħallas hu.

Is-Segretarju Ġenerali tal-GWU irrefera wkoll għat-Tribunal Industrijali u nsista li s-sentenzi m’għandhomx idumu biex jittieħdu.

Bugeja wkoll irrefera għar-‘right to disconnect’ u waqt li irrefera għal statistika li turi kif 46% ġew ikkuntattjati wara l-ħin tax-xogħol u saħaq li rridu nindirizzaw lil din il-problema.

Min-naħa tiegħu Abela beda biex irrimarka li l-GWU minn dejjem kienet forza pożittiva fil-pajjiż tant li kien hemm ħaddiema li għalkemm mhux membri tagħha iggwadanjaw minn kisbiet li għamlet.

Dwar il-paga minima qal li Malta ilu li daħħlitha u waqt li irrefera għall-kummissjoni li kienet twaqqfet biex sal-2023 tagħti pariri lill-Gvern dwarha sostna li din jeħtieġ tiltaqa’ regolarment u semma kif talab lid-dipartiment responsabbli mir-relazzjonijiet industrijali biex iħejji qafas legali għaliha

Abela irrefera għall-MCESD fejn sostna li huwa tajjeb li dan ma jkunx biss ‘a talking shop’ imma li joħroġ bi proposti kif qed isir fil-kumitati li hemm fi ħdanu.

Huwa irrefera għal 31 regoli relatati max-xogħol li b’xi mod jew ieħor jikkontrastaw ma’ xulxin u nsista li ta direzzjoni biex din il-problema tiġi indirizzata.

Dwar il-kuntratti definiti qal li hemm abbozz ta’ liġi ippubblikat li qed jistenna li jiġi diskuss fil-Parlament u saħaq li għalkemm ma jafx il-pożizzjoni tal-Oppożizzjoni dwaru ma jaħsibx li se tkun kontra.

Fuq it-Tribunal Industrijali semma li ta direzzjoni li jkun hemm perjodu definit fejn tingħata s-sentenza wara li jkunu ngħalqu l-provi.

Abela irrefera wkoll għat-‘telework’ u r-‘remote working’ fejn insista li min iħaddem u l-impjegati jridu jsibu bilanċ waqt li esprima l-konvinzjoni tiegħu li dan jista’ jgħin fil-kompetittività tal-pajjiż.

Sport