Saturday, December 21, 2024

Il-GWU tiffirma Ftehim Kollettiv mal-Malta Enterprise

Aqra wkoll

Ġie ffirmat Ftehim Kollettiv ġdid bejn it-Taqsima Professjonisti, Finanzi, u Servizzi tal-General Workers’ Union u l-Malta Enterprise. Dan il-ftehim jiggarantixxi firxa ta’ benefiċċji għall-ħaddiema għas-snin 2024-2028.

Ftehim li se joffri tiġdid f’ċerti proċeduri, żidiet fil-performance bonuses f’ċerti gradi filwaqt li gradi oħra se jibdew jibbenefikaw mill-performance bonus għall-ewwel darba, kif ukoll żidiet sostanzjali fil-pagi.
Riccarda Darmanin, is-Segretarju tat-Taqsima, estendiet l-apprezzament sinċier tagħha lil dawk kollha involuti fin-negozjati.

“Nirringrazzja lill-partijiet konċernati għas-sens ta’ rieda tajba li wrew waqt in-negozjati u b’hekk kienu konklużi għas‑sodisfazzjon taż‑żewġ naħat. Fosthom inrodd ħajr lir-rappreżentanti tal-ħaddiema kif ukoll lill‑membri għas‑support li jagħtu lill‑GWU,” qalet Riccarda Darmanin.

Il-Kap Eżekuttiv tal-Malta Enterprise George Gregory qal li “Billi ħdimna mill-qrib mar-rappreżentanti tal-unjins tagħna u mat-taqsima tar-relazzjonijiet industrijali, ilħaqna ftehim ġust u bilanċjat fejn l-impjegati tagħna qed jiġu kkumpensati b’mod ġust u jkollhom aċċess għall-benefiċċji u l-protezzjonijiet li jixirqilhom. Aħna nemmnu li din is-sħubija se tkompli ssaħħaħ il-valuri tal-entità u ttejjeb il-kapaċità tagħna li nwasslu servizzi ta’ kwalità għolja lill-klijenti tagħna.

“Nixtieq nirringrazzja mill-qalb lil kull min kien involut fil-proċess tan-negozjati għad-dedikazzjoni u l-professjonaliżmu tagħhom.”

L-iffirmar tmexxa mis-Segretarju tat-Taqsima tal-GWU Riccarda Darmanin, ir-rappreżentanti tal-ħaddiema Elizabeth Tabone, Anna Genovese u Sean Sciberras, il-Kap Eżekuttiv tal-Malta Enterprise George Gregory u ċ-Chief Operating Officer Jesmond Silvio.

Ekonomija

Sport