Wednesday, July 24, 2024

Il-GWU tiffirma Ftehim Kollettiv mal-Malta Food Agency

Aqra wkoll

Ġie ffirmat l-ewwel Ftehim Kollettiv bejn il-Malta Food Agency u l-General Workers Union għall-ħaddiema li jaħdmu fl-aġenzija responsabbli mill-prodott lokali f’pajjiżna. Ftehim storiku li jimmarka pass importanti fit-tisħiħ tal-kundizzjonijiet għall-impjegati tal-Aġenzija fi ħdan il-Ministeru għall-Agrikoltura, is-Sajd, u d-Drittijiet tal-Annimali. Dan il-ftehim ikompli jibni fuq il-kundizzjonijiet preżenti u jenfasizza l-impenn tal-Aġenzija li jħares il-benesseri tal-impjegati tagħha.

Il-ftehim il-ġdid jintroduċi sistema strutturata ta’ gradi għall-impjegati tal-aġenzija, li tipprovdi lill-ħaddiema opportunitajiet għall-avvanz fil-karriera tagħhom fl-aġenzija. Il-ħaddiema se jaraw ukoll titjib fil-kundizzjonijiet tax-xogħol tagħhom, kif ukoll fil-pakkett finanzjarju tagħhom li jirrifletti x-xogħol u l-ħidma bir-reqqa u b’dedikazzjoni kbira.

Il-Ministru Anton Refalo spjega kif dan il-ftehim huwa pass importanti għall-aġenzija. Spjega li din il-kisba hija riżultat ta’ bosta xhur ta’ diskussjonijiet u ħidma kollaborattiva bejn il-Malta Food Agency u l-General Workers’ Union.

Min-naħa tagħha, is-Segretarju Parlamentari għas-Sajd, l-Akwakultura u d-Drittijiet tal-Annimali Alicia Bugeja Said tkellmet ukoll dwar l-importanza ta’ dan il-ftehim kollettiv għall-ħaddiema tal-aġenzija.

Il-Kap Eżekuttiv tal-Malta Food Agency, Brian Vella irrimarka, “Bil-Ftehim Kollettiv, il-maniġment tal-Malta Food Agency qed jibni fuq il-kundizzjonijiet preżenti għax nemmnu li l-impjegati jixirqilhom rikonoxximent għall-ħidma u d-dedikazzjoni tagħhom.”

Tkellem ukoll Kevin Abela, Segretarju tat-Taqsima Ikel u Ospitalità fi ħdan il-GWU, li qal li “Permezz tal-ftehim milħuq, il-membri tagħna se jaraw titjib sostanzjali fis-salarji tagħhom flimkien ma’ għadd ta’ benefiċċji oħra. Nieħu din l-okkażjoni biex nirringrazzja lil kull min ta’ sehmu sabiex dan il-ftehim seta’ jsir realtà.”
 

Ekonomija

Sport