Il-General Workers Union tesprimi d-diżappunt tagħha għal dikjarazzjoni dispreġġattiva fuq il-ħaddiema tal-Gvern f’Għawdex li saret waqt mistoqsija Parlamentari minn deputat tal-Oppożizzjoni.
Bħala rappreżentant ewlieni tal-ħaddiema, fosthom dawk Għawdxin fis-servizz pubbliku, il-GWU ma tistax taqbel mal-mod kif membru parlamentari għażlet li tittimbra lil dawn l-impjegati bħala ħaddiema li jkunu diġa telqu mill-post tax-xogħol sal-10 ta’ filgħodu – u saħansitra ssaqsi lill-Prim Ministru tal-pajjiż jekk huwiex se jiftaħ investigazzjoni fuqhom.
Il-GWU dejjem tkellmet u aġixxiet kontra l-abbuż li jista jseħħ minn individwi, imma tħoss li m’huwiex aċċettabbli li rappreżentant tal-poplu fl-ogħla istituzzjoni tal-pajjiż titfa’ lil dawn il-ħaddiema Għawdxin f’keffa waħda daqs li kieku kollha jiskartaw mix-xogħol.
Il-GWU u unions oħra f’pajjiżna jistgħu jixhdu kemm dawn il-ħaddiema f’Għawdex, fosthom għalliema, infermiera u impjegati li jipprovdu servizzi governattivi, huma fil-fatt bieżla u jagħtu l-ġurnata tax-xogħol tagħhom b’tant dedikazzjoni, bħal kull impjegat ieħor.
Propju għalhekk il-GWU hija kburija li s-sena l-oħra kienet parti mill-iffirmar ta’ ftehim kollettiv storiku li tejjeb b’mod qawwi l-kundizzjonijiet tal-ħaddiema tas-servizz pubbliku Maltin kif ukoll Għawdxin – b’investiment ta’ €1.27 biljun fuq perjodu ta’ sitt snin.
Filwaqt li tappella lill-Oppożizzjoni biex b’sens ta’ maturità titlob apoloġija lil dawn il-ħaddiema Għawdxin kif ukoll lill-familji tagħhom, il-GWU sserraħ ras il-membri tagħha li se tibqa’ tkun hemm biex tipproteġi l-interessi tagħhom.