Il-GWU tikseb aktar rikonoxximenti fost il-ħaddiema fis-settur tal-couriers

L-Union tkompli ssaħħaħ il-preżenza tagħha biex tħares id-drittijiet u l-kundizzjonijiet tal-ħaddiema tal-pjattaformi

Aqra wkoll

Il-General Workers’ Union (GWU), permezz tat-Taqsima Ospitalità u Ikel, kompliet issaħħaħ il-preżenza tagħha fost il-ħaddiema fis-settur tal-couriers, wara li d-Dipartiment għar-Relazzjonijiet Industrijali u tal-Impjiegi (DIER) wettaq l-eżerċizzji ta’ verifika marbuta mat-talbiet tal-GWU għar-rikonoxximent uniku tal-ħaddiema ta’ Ferruggia Fleet Ltd. u JSA Consultants Ltd., bl-esklużjoni tas-senior management.

Dawn it-talbiet saru mill-GWU bħala parti minn ħidma kontinwa biex aktar ħaddiema fis-settur tal-couriers ikollhom rappreżentanza effettiva u protezzjoni tad-drittijiet u l-kundizzjonijiet tax-xogħol tagħhom.

Is-Segretarju tat-Taqsima Ospitalità u Ikel, Brian Bonnici, qal li jinsab sodisfatt b’dan l-iżvilupp u sostna li qed jiżdied in-numru ta’ ħaddiema li jaħdmu bħala couriers li qed iħossu l-ħtieġa li jissieħbu fil-GWU, għaliex fil-Union qed jaraw mezz konkret ta’ ħarsien tad-drittijiet u l-kundizzjonijiet tagħhom.

“Bħala Taqsima komplejna nibnu fuq il-pedamenti li kien poġġa s-Segretarju ta’ qabli, Kevin Abela, li rnexxielu jikseb il-fiduċja tal-ewwel membri minn dan is-settur li ngħaqdu magħna. Inħares ’il quddiem biex dan in-numru jkompli jiżdied u biex niksbu aktar rikonoxximenti simili, mhux sempliċement biex tikber is-sħubija fil-GWU, iżda biex inkunu nistgħu nagħtu ħarsien u servizz lil dawn il-ħaddiema, li ħafna minnhom huma ċittadini ta’ pajjiżi terzi (TCNs), u nassiguraw li ma jkunx hemm sfruttament f’dan is-settur,” qal Bonnici.

Huwa appella wkoll biex aktar couriers jersqu lejn il-GWU, filwaqt li rrimarka li għad hemm gruppi ta’ ħaddiema fis-settur li mhumiex rappreżentati u li għad hemm reżistenza minn ċerti kumpaniji biex il-ħaddiema tagħhom jissieħbu u jibbenefikaw mir-rappreżentanza kollettiva u mill-protezzjoni li din iġġib magħha.

Dan l-iżvilupp huwa parti minn proċess usa’ li permezz tiegħu l-GWU qed taħdem biex issaħħaħ ir-rappreżentanza tal-ħaddiema tal-pjattaformi u tal-couriers u biex tara li d-drittijiet tagħhom ikunu rispettati fil-prattika.

Din il-ħidma bdiet taħt it-tmexxija tal-eks Segretarju tat-Taqsima, u llum Deputat Segretarju Ġenerali tal-GWU, Kevin Abela, li kien mexxa l-proċess li wassal għall-ewwel organizzazzjoni ta’ couriers fi ħdan il-GWU u għall-ftehim milħuq mal-gruppi ta’ kumpaniji li joperaw f’dan is-settur.

Il-GWU se tkompli taħdem biex aktar couriers ikollhom vuċi kollettiva fuq il-post tax-xogħol u biex, irrispettivament min-nazzjonalità tagħhom, igawdu minn kundizzjonijiet tax-xogħol ġusti, dinjitużi u ħielsa minn kull forma ta’ sfruttament.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport