Proprju fi tmiem il-partita bejn Malta u Ġibiltá, dan is-sit tkellem mal-Viċi President tal-Malta FA, Adrian Casha, fejn talbu jagħtina l-kummenti tiegħu rigward din il-partita.
Fi kliemu:
“Diżappuntat ħafna bir-riżultat, imma kuntent bil-wirja tal-plejers u bil-pjan tattiku tal-kowċ. Verament ħasra li llum ma rnexxilniex insarrfu s-supremazija tagħna f’rebħa.
Konna nafu li ser niffaċċjaw tim ferm organizzat fid-difiża li jaf ikun perikoluż fil-kontrattakk. Iddominajna l-ewwel taqsima u ħloqna diversi ċansijiet ta’ skor imma sibna difiża kompatta u gowlkiper avversarju li wettaq għadd ta’ saves tajba.
Fit-tieni taqsima komplejna nkunu offensivi u meritatament morna fil-vantaġġ, iżda sofrejna l-gowl tad-dro ftit minuti biss wara b’mod kemmxejn sfortunat.
Komplejna nemmnu fina nfusna u bqajna nipprovaw niskorjaw it-tieni gowl, iżda jew kellna l-ballun maqlugħ fuq il-linja bil-gowlkiper megħlub jew ġejna mċaħħda mil-lasta.
Il-wirja qalbiena tal-lum tikkonferma l-għaqda u l-progress li għamel it-tim nazzjonali fl-aħħar snin għal dak li huwa stil ta’ logħob, grazzi għall-viżjoni u l-ħidma kontinwa tal-Assoċjazzjoni.
Ninsabu l-ewwel b’żewġ punti vantaġġ fuq Ġibiltà u tliet punti vantaġġ fuq Andorra u rebħa nhar il-Ħadd li ġej tpoġġina favoriti netti li nirbħu dan il-grupp.
Nappella lill-pubbliku sportiv Malti sabiex nhar il-Ħadd li ġej inkunu t-12-il plejer bis-sapport lejn il-plejers tagħna. It-tim nazzjonali huwa ta’ kulħadd.”




