Saturday, December 21, 2024

IL-GWU tikseb fondi għal riċerka dwar l-impatt tal-Covid fuq il-ħaddiema

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

Il-General Workers’ Union (GWU) fil-jiem li ġejjin se tniedi riċerka għal irkupru ġust fis-settur tax-xogħol li kien impattat mill-pandemija tal-Covid-19. Dan il-proġett immexxi mill-GWU ġie ffinanzjat minn fondi Ewropej li ngħatat il-Konfederazzjoni Ewropea tat-Trade Unions (ETUC), li l-GWU hija affiljata magħha. 

Dwar dan il-proġett, is-Segretarju Ġenerali tal-GWU Josef Bugeja fisser li l-GWU kienet waħda minn 30 Trade Union imxerrdin madwar l-Ewropa li se jibbenefikaw minn dawn il-fondi biex jagħmlu l-istess proġetti simili fil-pajjiż tagħhom.

Il-GWU se tkun qiegħda tiffoka r-riċerka tagħha primarjament fuq l-impatt li ħalliet il-pandemija fuq il-ħaddiema, speċjalment fuq gruppi li setgħu kellhom impatt akbar fosthom in-nisa, iż-żgħażagħ, ħaddiema persuni b’diżabilità u dawk li jaħdmu ħinijiet atipiċi jiġifieri filgħaxija, fi tmiem il-ġimgħa u anke bix-xift. 

“Dawn il-fondi se nużawhom għar-riċerka tagħna biex meta nagħmlu proposti tagħna lill-Gvern u l-awtoritajiet ikunu bbażati fuq studji xjentifiċi u riċerka analitika,” qal is-Segretarju Ġenerali tal-GWU. 

YouTube video

Is-Sur Bugeja kompla jgħid li bħala parti minn dan il-proġett se jsiru diversi laqgħat ma’ dawk kollha involuti u wara se jkunu qegħdin jippreżentaw ir-riżultati anke mal-imsieħba soċjali fi ħdanl-MCESD. 

“Eventwalment dawn ir-riżultati nressquhom ‘il quddiem sabiex niddiskutuhom, għax id-dinja tax-xogħol qiegħda kontinwament tinbidel u rridu nkunu proattivi biex bis-saħħa tal-fondi tal-Unjoni Ewropea nkunu nistgħu nagħmlu dik ir-riċerka biex intejbu u fejn hemm bżonn nirranġaw il-leġiżlazzjoni sabiex nipproteġu l-interessi tal-membri tagħna,” tenna s-Sur Bugeja.

Il-proġett, li huwa twil 12-il xahar, qed jiġi kkordinat mis-Segretarju tat-Taqsima GWU Gvern u Entitajiet Pubbliċi Kendrick Bondin. F’kummenti ma’ dan il-ġurnal, is-Sur Bondin qalilna li dawn il-fondi se jgħinu s-settur tax-xogħol f’pajjiżna. 

“Irridu naraw f’dan l-istudju l-impatt tal-pandemija fuq il-ħaddiema speċjalment fuq in-nisa, iż-żgħażagħ, ħaddiema b’diżabilità u dawk il-ħaddiema atipiċi u kif nistgħu nsaħħu d-djalogu soċjali f’Malta u n-negozjar kollettiv,” qal is-Segretarju Bondin. 

“B’hekk inkunu nistgħu naraw li jkollna riċerka tajba li nistgħu nħarrġu lill-ħaddiema fuqha, li nistgħu nressquha quddiem il-Gvern u anke quddiem l-MCESD. Din ir-riċerka nixtiequ nagħmluha billi jkollna stħarriġ, b’laqgħat li jsiru kemm fiżikament jew online minħabba realtajiet li qed ngħixu fihom, sabiex niġbru l-ħsibijiet ta’ kulħadd. B’hekk ikollna riċerka kemm jista’ jkun oġġettiva u reali ta’ pajjiżna,” tenna s-Sur Bondin. 

Bil-għan li jkun hemm skambju effiċjenti ta’ informazzjoni, se jsiru wkoll seminars online ma’ trade unions u organizzazzjonijiet tal-ħaddiema oħra ġewwa l-Italja, Franza u anke l-Polonja.

Ekonomija

Sport