Wednesday, November 27, 2024

Il-GWU tikseb kumpens għall-ħaddiema tan-NetEnt

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Il-General Workers’ Union (GWU) ġabet lura numru ta’ impjiegi u nnegozjat b’suċċess pakkett ta’ kumpens għal tmiem ta’ imjiegi għall-ħaddiema tal-kumpanija tal-gaming NetEnt li kienu ġew issensjati. Is-senji kienu ingħataw aktar kmieni dan ix-xahar wara l-akkwist ta’ NetEnt mill-ġgant tal-gaming Svediż, Evolution Gaming Group.

Wara konsultazzjonijiet mal-GWU, Evolution Gaming Group aċċettat li fil-ġimgħat li ġejjin toffri impjieg alternattiv għal tal-inqas 40 ħaddiem. Sittin impjegati ohra huma mistennija li jkunu assorbiti minn kumpaniji oħra tal-gaming u fis-servizzi finanzjarji, bħala prova tas-sostenibilità ta’ dan is-settur, u tal-impenn tal-GWU lejn il-ħolqien ta’ impjiegi ta’ kwalità.

Il-GWU, li tirrapreżenta lill-maġġoranza tal-ħaddiema ta’ NetEnt f’Malta, kienet iktar kmieni talbet il-ħruġ ta’ mandat ta’ inibizzjoni lill-Qorti, biex iżżomm lill-kumpanija milli tagħti s-sensji u ttemm l-imġjiegi. Il-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili kienet laqgħet it-talba tal-union b’mod provviżorju.

Grazzi għall-ftehim milħuq, il-GWU rnexxiela ttejjeb l-offerta li l-kumpanija kienet innegozjat ma’ rappreżentant tal-ħaddiema, u kull impjegat affetwat issa se jirċievi pagament addizjonali ta’ EUR 750. Benefiċċji oħra jinkludu protezzjoni aħjar għall-ħaddiema li fil-mument qegħdin fuq leave tal-maternità, u ż-żamma tal-pakkett ta’ benefiċċji tas-saħħa.

Il-membri tal-GWU li huma milquta minn dawn is-sensji, li seħħew minħabba ristrutturar fis-settur tal-gaming, approvaw l-offerta mtejjba.

Għall-GWU fin-negozjati pparteċipaw Josef Bugeja (Segretarju Ġenerali), Kevin Camilleri (Deputat Segretarju Ġenerali) u Riccarda Darmanin (Segretarja tat-Taqsima), bl-assistenza legali tal-avukat Aron Mifsud Bonnici.

Is-Segretarju Ġenerali Josef Bugeja qal “Innegozjajna b’mod intensiv u b’determinazzjoni. Salvajna impjiegi safejn dan kien possibbli u rajna li dawk kollha li l-impjieg tagħhom se jintemm ikunu kumpensati kif suppost.” Huwa rringrazzja lill-Kap Eżekuttiv ta’ Evolution, Martin Carlsund, u l-konsulent legali tall-kumpanija Paul Gonzi għall-kollaborazzjoni tagħhom biex intlaħaq ftehim.

Il-GWU illum irtirat il-mandat ta’ inibizzjoni, hekk kif it-tilwima legali u industrijali ġiet fi tmiemha permezz tal-ftehim milħuq.

Sport