Wednesday, July 24, 2024

Il-Prim Ministru jinawgura lukanda f’San Ġiljan b’investiment ta’ €13-il miljun

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Il-Prim Ministru Robert Abela, akkumpanjat mill-Ministru għat-Turiżmu u l-Protezzjoni tal-Konsumatur Clayton Bartolo, inawgura l-lukanda Mercure fil-qalba ta’ San Ġiljan.

B’investiment ta’ €13-il miljun, il-lukanda li ħadet sentejn biex tlestiet, tifforma parti mill-Grupp Accor, li hija l-ikbar kumpanija tal-ospitalità fl-Ewropa u s-sitt l-akbar fid-dinja. Accor topera f’100 pajjiż, b’aktar minn 4,800 lukanda u bi 280,000 impjegat mad-dinja kollha.

Il-lukanda Mercure tikkonsisti f’113 kamra, ristorant, fitness room, kamra mgħammra għal-laqgħat, bar u pixxina fuq il-bejt.

Il-Prim Ministru Robert Abela fisser dan l-investiment bħala turija oħra ta’ fiduċja f’pajjiżna. Huwa rringrazzja wkoll lill-ħaddiema li jaħdmu fil-lukanda u fis-settur tal-ospitalità talli tul ix-xhur li għaddew urew reżiljenza sabiex dan is-settur ma jistaġnax.

Prime Minister Robert Abela inaugurates Mercure St Julian’s Malta

Il-Ministru għat-Turiżmu u l-Protezzjoni tal-Konsumatur Clayton Bartolo qal li l-ftuħ ta’ din il-lukanda jimxi mal-viżjoni tal-gvern lejn turiżmu sostenibbli u diversifikat. “Investiment ta’ din l-għamla jagħmilli kuraġġ f’dawn iż-żminijiet ta’ sfida. Huwa proġett b’xhieda ċara li matul din il-pandemija mhux talli ma qatax lura imma ra kif idawwar l-isfidi f’opportunitajiet,” kompla jgħid il-Ministru Clayton Bartolo.

Il-General Manager Kurt Micallef qal li l-kmamar fil-lukanda jvarjaw minn dawk standard għal superior suites b’numru sostanzjali ta’ kmamar igawdu minn veduti mill-isbaħ tal-Bajja ta’ Spinola. Semma li bħalissa l-Grupp qed jimpjega total ta’ 18-il impjegat u t-tim maniġerjali qed jippjana li jżid dan in-numru ladarba pajjiżna jerġa’ jaqbad it-triq ta’ rkupru ekonomiku b’saħħtu.

Ekonomija

Sport