Monday, November 4, 2024

Il-GWU tilqa’ rapport tal-MEP Agius Saliba

Aqra wkoll

Il-GWU temmen li r-rapport imressaq mill-MEP Alex Agius Saliba li għandu l-għan li jipprovdi d-dritt ta’ diskonnessjoni jew kif inhu magħruf aktar ‘the right to disconnect’ huwa pass importanti f’direzzjoni tajba. Il-GWU ilha tisħaq li  filwaqt li d-diġitalizzazzjoni tista’ ġġib diversi vantaġġi, inkluż flessibilità fil-ħin tax-xogħol, teleworking, bilanċ aħjar bejn ix-xogħol u l-ħajja privata, tnaqqis ta’ traffiku u tnaqqis ta’ tniġġiż fl-arja madankollu din waslet ukoll biex il-ħin tax-xogħol twal iżjed u ġabet il-ħaddiem dejjem aċċessibbli. Dan qed ikollu effett detrimentali fuq is-saħħa mentali tal-ħaddiema u ksur ta’ drittijiet fundamentali tal-ħaddiema bhal ħlas ġust,  is-saħħa u s-sigurtà u tnaqqis ta’ benefiċċji skont il-ftehim kollettiv.

Il-kriżi tal-COVID-19, uriet li d-dinja tax-xogħol tista’ tkun differenti minn dik tal-passat għaldaqstant il-GWU tisħaq li għandu jkun hemm direttiva u legiżlazzjoni b’saħħita biex jiġu protetti d-drittijiet tal-ħaddiema u nkunu ahna li nfasslu din id-dinja gdida.

Il-GWU bil-firxa wiesgħa tagħha kellha diversi laqgħat ma’ Alex Agius Saliba biex tagħti l-kontribut f’dan ir-rapport u biex twassal stampa ċara dwar id-diversi setturi u kif id-diġitalizzazzjoni tolqot dawn is-settur. 

Punti li l-GWU taqbel ampjament magħhom huma li dan id-dritt għandu japplika għall-ħaddiema kollha li jużaw għodda diġitali, kemm haddiema pubbliċi kif ukoll fil-privati, dritt tal-privatezza, min iħaddem ma jistax jobbliga lill-ħaddiema jibqgħu jaqraw l-emails u jirrispondu l-mobile wara l-ħin tax-xogħol, kumpens għal xogħol imwettaq barra mill-ħin tax-xogħol, minn ihaddem irid jipprovdi taħriġ u informazzjoni bil-miktub dwar id-dritt ta’ diskonnessjoni lill-haddiema. Punt iehor ferm importanti huwa li dettalji tal-leġiżlazzjoni nazzjonali għandhom jiġu miftiehma u maqbula bejn l-imsieħba soċjali. Dan għandu jagħti dimensjoni akbar lir-rwol tal-imsieħba soċjali.

Filwaqt li fadal triq twila biex dan id-dritt jiġi inkluż f’liġi tax-xogħol nazzjonali, iżda dan ir-rapport huwa pass importanti. 

Sport