Monday, December 30, 2024

Il-GWU tipproteġi d-drittijiet ta’ 7,000 membru barrani

Aqra wkoll

Id-Deputat Segretarju Ġenerali tal-General Workers’ Union Kevin Camilleri ltaqa’ mal-Kummissarju Għoli tal-Indja għal Malta, l-Eċċellenza Tagħha s-Sinjura Gloria Gangte. Laqgħa li matulha ġiet diskussa l-ħidma kollaborattiva li tista’ ssir għall-benessri tal-ħaddiema Indjani f’Malta.

Laqgħa li matulha esplorajna oqsma potenzjali ta’ kooperazzjoni, qsamna l-informazzjoni u problemi li nafu dwarhom u ddiskutejna kif il-GWU jista’ jkollha rwol akbar fl-appoġġ tal-ħaddiema Indjani f’Malta. Bħala GWU, li tirrappreżenta ‘l fuq minn 7,000 ħaddiem barrani, dejjem rat l-interess tal-ħaddiem, ġej minn fejn ġej, kemm fuq il-post tax-xogħol kif ukoll barra x-xogħol. Ma tagħmilx distinzjoni fuq il-kulur tal-ġilda, razza, twemmin u ġeneru. Temmen li kulħadd ugwali.

Hekk kif l-ekonomija Maltija kibret sew f’dawn l-aħħar snin kien jeħtieġ influss ta’ ħaddiema barranin f’pajjiżna minħabba li t-tkabbir ekonomiku wassal għal nuqqas ta’ ħaddiema f’ħafna setturi. Hija realtà li dawn il-ħaddiema barranin jirrappreżentaw uħud mill-aktar gruppi vulnerabbli u emarġinati fis-soċjetà tagħna. Ħafna drabi huma esposti għall-abbuż u l-isfruttament, għandhom aċċess limitat għal servizzi essenzjali, u jisfaw impinġija bħala xi piż fuq is-soċjetà Maltija.

“Permezz ta’ din il-laqgħa riedna nifhmu l-ħtiġijiet u l-isfidi speċifiċi li jiffaċċjaw il-ħaddiema ġejjin minn pajjiżi terzi, fosthom l-Indjani, l-aħjar mezzi kif nistgħu nassistu u nappoġġjawhom permezz ta’ inizjattivi li tista’ tingħaqad magħhom it-trejdjunjin tagħna, kif nistgħu nippromwovu u naqsmu bejnietna ideat għal aktar integrazzjoni kulturali biex noħolqu aktar ambjent tax-xogħol armonjuż kif ukoll kif nistgħu nkunu ta’ kontribut għall-komunikazzjoni bejn il-ħaddiema Indjani u l-awtoritajiet lokali,” qal Kevin Camilleri.

“Aħna ninsabu kuntenti li ċ-ċittadini Indjani qed ikunu ta’ sostenn għal Malta, madankollu ninkwetaw fuq il-benessri tal-komunità Indjana f’Malta li tkun qed taffaċċja diversi sfidi u problemi. Fosthom diffikultajiet f’kiri ta’ proprjetà, integrazzjoni fil-komunità madwarhom, diffikultajiet biex jerġgħu lura Malta minn pajjiżhom wara li jkunu telgħu jżuru lil qrabathom, esploljtazzjonijiet, applikazzjonijiet biex jirrevedu l-Visa,” qalet il-Kummissarju Għoli Gloria Gangte.

Kompliet tispjega sitwazzjonijiet partikolari li jmorru bihom għandhom diversi ħaddiema Indjani f’Malta, fosthom problema biex isibu fejn joqogħdu hekk kif jiġu rifjutati hekk kif is-sidien tad-djar għall-kiri jsiru jafu li huma Indjani, jew inkella jitolbuhom ħlas ta’ kera doppja. Ħaddiema li jitħallsu ħafna inqas mill-kollegi tagħhom Maltin. Dewmien fl-applikazzjonijiet biex jirrevedu l-visa u għalhekk jispiċċaw li jiġu fi stat li jkunu llegalment f’pajjiżna.

“Naqblu u kuntenti bil-bidla legali radikali fil-liġijiet għall-impjiegi temporanji u l-aġenziji ta’ reklutaġġ hekk kif mhux darba u tnejn li ġew ikellmuna persuni li wara li ntalbu ammont sostanzjali ta’ flus u ġew imwiegħda li hekk kif jaslu Malta kienu se jsibu x-xogħol li ftehmu dwaru, sabu li ġew ingannati.

“Persuni minn tant ‘il bogħod li telqu kollox u lil kulħadd warajhom biex ġew isibu futur aħjar f’Malta u jisfaw hawnhekk ittraduti u fuq kollox bla xogħol. Kif se jkampaw? Fejn se joqogħdu? Kif se jieklu?” saħqet il-Kummissarju Għoli tal-Indja għal Malta.

Il-Kummissarju Għoli Gangte qalet li l-Kummissjoni Għolja pproponiet Migration Mobility Partnership Agreement (MMPA) lill-Gvern ta’ Malta, fuq mudell simili bħal f’pajjiżi Ewropej oħra. Dan il-ftehim ikun jippermetti tqabbil bejn il-ħiliet meħtieġa mill-kumpaniji Maltin u ħaddiema xierqa li jiġu rekluti mill-Indja. Dan se jissalvagwardja wkoll l-interess tal-ħaddiema, waqt li jkunu qed ifittxu mpjieg, fil-proċess tal-visa u anke waqt l-impjieg tagħhom f’Malta.

Żiedt tgħid li l-ħaddiema Indjani jikkontribwixxu għas-sigurtà soċjali matul iż-żjara tagħhom f’Malta. Madankollu, meta jitilqu mill-pajjiż, ma jirċievu l-ebda benefiċċju. Għalhekk jista’ jiġi esplorat l-iffirmar ta’ Ftehim tas-Sigurtà Soċjali, simili għal dak li għamlet l-Indja ma’ pajjiżi oħra tal-UE bħall-Ġermanja u Franza. Dan jiżgura li l-ħaddiema Indjani ma jkollhom l-ebda żvantaġġ fir-rigward tal-pensjonijiet tagħhom anke wara li jitilqu minn Malta. Huwa kruċjali li tiġi indirizzata din id-disparità u li ssir ħidma biex jiġu pprovduti benefiċċji tas-sigurtà soċjali ġusti u ekwi għall-ħaddiema kollha, irrispettivament min-nazzjonalità tagħhom.

Rigward l-integrazzjoni mas-soċjetà inġenerali, ġew diskussi diversi temi li tista’ ssir ħidma fuqhom biex flimkien iwasslu għal aktar għarfien dwar il-kulturi ta’ nies minn pajjiżi diversi li jinsabu fostna. Fosthom fil-Jum Internazzjonali tal-Yoga, il-GWU u l-Kummissjoni Għolja tal-Indja għal Malta se jtellgħu diversi avvenimenti kulturali matul ix-xhur ta’ Mejju u Ġunju li jilħqu l-fulkru flimkien ma’ diversi entitajiet involuti f’jum iċ-ċelebrazzjoni li jkun fil-21 ta’ Ġunju.

“Jekk nirrispettaw u mifhmu lil xulxin, jekk nintegraw, il-pajjiż se jimxi f’aktar armonija. Aħna mdorrijin ngħidu li aħna dinja waħda u għalhekk aħna familja waħda,” tenniet tgħid il-Kummissarju Għoli tal-Indja.

Id-Deputat Segretarju Ġenerali tal-GWU Kevin Camilleri temm jgħid li permezz ta’ din id-diskussjoni produttiva, il-GWU temmen li dan id-djalogu kollaborattiv bejn il-General Workers’ Union u l-Kummissjoni Għolja tal-Indja għal Malta se twassal għal inizjattivi sinifikanti li jibbenefikaw liż-żewġ nazzjonijiet tagħna hekk kif l-għarfien u l-gwida f’din il-kwistjoni huma imprezzabbli.

Ekonomija

Sport