Wednesday, July 24, 2024

Il-GWU tisħaq fuq infurzar strett tas-saħħa u sigurtà fuq il-post tax-xogħol

Aqra wkoll

“Ma nistgħux nagħlqu għajnejna għan-nuqqas ta’ rispett għar-regolamenti tas-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol. Kull ħaddiem għandu d-dritt għal ambjent tax-xogħol sigur u ħieles mill-perikli, iżda ħafna drabi, dawn id-drittijiet jiġu kompromessi għar-rgħiba. Il-GWU se żżomm reponsabbli lil dawk l-employers abbużivi, u se nisħqu fuq infurzar strett tal-istandards tas-saħħa u s-sigurtà biex nipproteġu s-saħħa tal-ħaddiema.”

Iddikjara dan is-Segretarju Ġenerali tal-General Workers’ Union (GWU) Josef Bugeja f’ċerimonja li saret nhar it-Tlieta biex ikun imfakkar Jum il-Ħaddiem. Fl-istess ċerimonja, l-amministrazzjoni ċentrali tal-GWU, Segretarji tat-Taqsimiet u uffiċjali oħra tal-union poġġew fjuri f’riġlejn il-monument tal-Ħaddiem fl-Imsida.

Is-Segretarju Ġenerali tal-GWU beda d-diskors tiegħu billi qal li Jum il-Ħaddiem ifakkar l-isforzi, il-ġlidiet u l-kontribut imprezzabbli li għamel il-ħaddiem matul is-snin. Filwaqt li rrikonoxxa li saru passi ta’ ġgant ‘il quddiem, Bugeja qal li ma nistgħux ninjoraw il-kwistjonijiet urġenti li qed ikomplu jolqtu l-klassi tal-ħaddiema, kemm hawn Malta kif ukoll madwar id-dinja kollha.

“L-ewwel u qabel kollox irridu nindirizzaw l-isfruttament u l-abbuż tal-ħaddiema. Ir-rgħiba u n-nuqqas tal-valuri qed iwasslu għal żieda fl-isfruttament u l-abbuż. Wisq drabi, il-ħaddiema qed ikunu mpoġġija f’sitwazzjoni ta’ trattament inġust, kundizzjonijiet tax-xogħol mhux xierqa u pagi baxxi. Id-drittijiet tagħhom qed ikunu injorati u leħinhom imsikket. Dan l-isfruttament mhux biss huwa inġust u illegali iżda huwa wkoll fundamentalment kuntrarju għall-prinċipji tas-solidarjetà, ġustizzja soċjali, dinjità u ugwaljanza,” qal Bugeja.

Huw kompla jgħid li rridu niġġieldu għal pagi ġusti li jippermettu lill-ħaddiema jsostnu lilhom infushom u lill-familji tagħhom. “Irridu niġġieldu favur politika li tippromwovi l-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata u tagħti prijorità lis-saħħa kemm fiżika kif ukoll mentali tal-ħaddiema. Jeħtieġ nenfasizzaw għall-investimenti fit-titjib tal-ħiliet, tal-abbiltajiet u tal-kompetenzi biex jiġi żgurat li kull ħaddiem ikun jista’ jirnexxi fi żmien meta d-dinja tax-xogħol qiegħda dejjem tinbidel.”

Barra minn hekk, kompla jgħid is-Segretarju Ġenerali tal-GWU, irridu nkomplu niġġieldu għall-prinċipju ta’ ħlas ugwali għal xogħol tal-istess valur fl-istess post tax-xogħol. Tenna li dan il-prinċipju huwa l-pedament tal-ġustizzja soċjali. Kemm jekk impjegati direttament jew tal-kuntrattur, il-ħaddiema kollha jistħoqqilhom ħlas ugwali.

Bugeja qal ukoll li l-union temmen aktar minn qatt qabel li huwa essenzjali li tidħol fis-seħħ il-liġi dwar is-sħubija awtomatika fi trejdunjin tal-għażla tal-ħaddiem. Dan biex ikun żgurat li kulħadd jieħu ħlas xieraq, li jkun protett fuq il-post tax-xogħol, li jkollu kundizzjonijiet tajba u li jingħata vuċi.

Huwa tkellem ukoll dwar it-trattament ħażin ta’ persuni barranin li jaħdmu Malta u saħaq li huwa inaċċettabbli u diżgustanti l-mod li bih ġie trattat ħaddiem waqt li kien qed jagħmel xogħlu. Qal li dan l-aġir ta’ xi wħud qed jherri l-fibra li tgħaqqad is-soċjetà tagħna.

Dawn il-ħaddiema qed jikkontribwixxu għall-kultura tagħna, għas-soċjeta tagħna u l-ekonomija tagħna. Irridu għalhekk naħdmu aktar għal soċjeta ġusta li tħaddan id-diversità u tirrispetta d-drittijiet tal-ħaddiema kollha, irrispettivament min-nazzjonalità tagħhom.

Bugeja kompla billi rrefera għat-tranżizzjoni lejn ekonomija ħadra li fi kliemu stess mhijiex għażla imma neċessità. Qal li l-GWU tappoġġja politika li tipproteġi l-ambjent filwaqt li jrid ikun żgurat li t-tranżizzjoni tkun waħda ġusta u inklussiva għal kulħadd.

Huwa żied jisħaq li l-GWU hija kontra kull tip ta’ diskriminazzjoni u inugwaljanzi li jolqtu l-postijiet tax-xogħol u s-soċjetà tagħna. Fl-istess waqt enfasizza li t-titjib fil-ħiliet, iż-żieda fil-kompetenzi u l-abbiltajiet mhumiex sempliċiment kliem sabiħ iżda għandhom ikunu parti mill-istrateġija biex tingħata ħajja aktar dinjituża li tixraq lill-ħaddiema kollha. “Aħna se nibqgħu impenjati li nrawmu kultura ta’ tagħlim u żvilupp kontinwu.”

Finalment huwa semma t-theddida li qed tiffaċċja l-GWU li tiġi żgumbrata mill-binja tagħha, id-dar naturali tal-ħaddiem. Kawża li kienu fetħu deputati nazzjonalisti fl-2017 u li għadha għaddejja sal-lum. Il-messaġġ tiegħi lilhom huwa li aħna qatt mhu se nċedu d-dar tagħna,” tenna Bugeja.

Huwa żied jistqarr li flimkien għandna s-saħħa li noħolqu futur aħjar għall-ħaddiema kollha. Għandna s-saħħa li nilħqu l-aspirazzjonijiet ta’ kulħadd. Futur mibni fuq is-solidarjeta, l-ugwaljanza u l-ġustizzja soċjali.

Is-Sur Bugeja temm id-diskors tiegħu billi radd ħajr lill-ħaddiema kollha li ta’ kuljum jagħtu kontirbut bil-ħidma tagħhom biex dan il-pajjiż ikompli miexi ‘l quddiem.

Ekonomija

Sport