Wednesday, July 24, 2024

‘Aħdmu b’umiltá u b’dedikazzjoni u l-frott jissarraf’ – Chris Mercieca

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-futbol?

Bdiet ta’ eta’ żgħira meta ma’ missieri u ma’ ħija konna nilagħbu fit-triq quddiem il-ħanut tal-familja. Kompliet billi bdejt insegwi futbol fuq it-televixin u meta bdejt  nitħarreġ ma’ nursery ta’ ħames snin.

X’taħseb li kien is-sigriet wara s-suċċess li ksibtu meta sirtu double winners f’Għawdex?

Malli ngħaqadt mal-klabb f’Jannar, mal-ewwel indunajt li hemm tim li kapaċi jirbaħ l- unuri. It-tim kien magħqud u kien hemm atmosfera sabiħa, atmosfera ta’ familja. Fil- grawnd dan urejnieh, għaliex konna niġġieldu għal xulxin u konna niġbdu ħabel wieħed.

X’tikkummenta fuq il-kowċ ta’ Qala Saints, Shaun Bajada?

Shaun Bajada hu persuna li jien dejjem ammirajt. Fil-futbol hu dejjem kien wieħed mil- idoli tiegħi. Tul iż-żmien, jien u Shaun minn dejjem konna ħbieb kbar u dejjem ħarist lejh  għall-pariri. Bħala plejers jien u Shaun lgħabna flimkien mal-Victoria Hotspurs fejn ħadna diversi unuri flimkien. Malli ġie ċ-ċans li nerġa’ ningħaqad miegħu ma’ Qala Saints ma stajtx nirrifjutah. Huwa kowċ li tani l-kunfidenza fil-pitch u wassalni biex nilħaq il-potenzjal massimu tiegħi.

U fuq il-kumitat ta’ Qala Saints immexxi mill-president Noel Mizzi?

Huwa kumitat motivat u għatxan għar-rebħ. Noel jagħti qalbu għall-klabb, jagħmel kollox biex  jgħin it-tim biex jimxi ‘l quddiem. Kemm ilni mal-Qala Saints, il-kumitat dejjem urew lilhom infushom bħala kumitat organizzat u determinat.

Taqbel li hemm differenza ta’ livell bejn it-timijiet ta’ fuq u dawk fil-kampjonat Għawdxi?

Fis-snin ta’ qabel kien ikun hemm ċerta diskrepanza bejn it-timijiet ta’ fuq u dawk ta’ taħt, fejn il-kampjonat kien ikun jew jidher ċar min se jirbħu, jew ikun bejn tnejn. Din is-sena l-kampjonat kien wieħed ibbilanċjat, fejn timijiet ta’ fuq tilfu l-punti ma’ ta taħt, kemm Qala u anke  Nadur.

Taħseb li l-barranin li qed jiġu mhux dejjem qed ikunu ta’ livell ikkomparati mal-plejers Għawdxin?

Il-maġġoranza tal-plejers barraninl li jilagħbu fil-kampjonat Għawdxi huma wħud mill- plejers li jagħmlu d-differenza.

Kemm int kuntent bil-grawnds fejn tilagħbu l-logħob tal-Kampjonat Għawdxi?

Il-Gozo Stadium huwa grawnd tajjeb ħafna għall-kampjonat Għawdxi. Il-grawnd ta’ Kerċem hu kemmxejn żgħir.

X’taħseb dwar il-kontroll tar-referis fil-Kampjonat Għawdxi?

Ir-referis kienu ta’ livell għoli li wħud minnhom jirrefjaw fil-Kampjonat Premier f’Malta regolarment.

Kif jirnexxielek tlaħħaq max-xogħol tiegħek u mal-futbol?

Jien naħdem bħala barbier, u għalhekk nista’ nirranġa l-appuntamenti b’mod li ma jinterrompux mat-taħriġ tal-futbol.

Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fil-futbol?

Jien nagħmel bħalma dejjem għamilt, nimxi sena b’sena. Ma min nilgħab nagħti dejjem il-mija fil-mija u nkun dedikat fuq xogħli biex b’hekk inkompli ntejjeb lili nnifsi.

Nixtieqek tgħaddi l-aħħar messaġġ lil dawk it-tfal u / jew żgħażagħ li qed jaqraw din l-intervista u li bħalek jixtiequ jagħmlu karriera fil-futbol.

Il-messaġġ tiegħi huwa li jekk għandkom ħolma, tħallux l-ostakli jaqtgħulkom qalbkom.  Aħdmu b’umiltá u b’dedikazzjoni u l-frott jissarraf!

Ekonomija

Sport