Wednesday, July 24, 2024

IL-BANEK QED JAQDUNA?

Alfred Sant
Alfred Sant
Membru Parlamentari Ewropew

Aqra wkoll

Il-banek f’pajjiżna qed ikollhom aktar u aktar isegwu proċeduri ta’ kif imexxu l-finanzi tagħhom li jiġu mill-Unjoni Ewropea permezz ta’ regolamenti li jridu josservaw tassattivament. Dan jinvolvihom f’ħafna ħidmiet u proċeduri li jirrekjedu spejjeż mhux żgħar u ħtieġa ta’ attenzjoni ffokata.

Min-naħa l-oħra jinsabu f’qagħda fejn ma jaffaċċjawx kompetizzjoni qawwija għax ftit huma l-operaturi fis-suq. Din tagħtihom il-possibiltà li mingħajr ma formalment jiftehmu bejniethom, imexxu politika qrib jew parallela ta’ xulxin biex jilqgħu għall-ispejjeż telgħin u l-profitti mhedda.

Dan qed jiġri l-aktar a spejjeż tad-depożitanti. L-imgħax fuq depożiti jinżammu baxxi. Miżati ġodda u qodma fuq servizzi mogħtija jiġu ċċarġjati mingħajr ebda kont ta’ x’valur miżjud jirrapreżentaw. Serviżżi wiċċ imb’wiċċ mal-klijenti baqgħu jitnaqqsu jew jitneħħew.

Qed jiġri hekk mal-Ewropa kollha. F’Malta dan l-iżvilupp baqa’ jirranka. L-awtorità mwaqqfa biex tipproteġi lill-konsumatur ftit tat kas ta’ x’jinsab għaddej.

SPAZJI ĦODOR

Il-ħolqien ta’ spazji ħodor fil-pajjiż hu meħtieġ. Madankollu, meħtieġa wkoll hi fehma siewja ta’ fhiex għandhom jikkonsistu dawn l-ispazji ħodor. Wisq ta’ spiss donnu li l-idea hi biex ikun hemm ftit siġar u ħdura madwar firxa ta’ konkos ċatt fejn jistgħu jinġabru l-“familji” għall-pikniks, wara li jkunu pparkjaw il-karozza tagħhom mhux wisq bogħod, dejjem fuq il-firxa konkos provduta.

Jidhirli li hemm bżonn ta’ kunċett usa’ ta’ kif noħolqu l-ispazji ħodor. Mhux biżżejjed li kif qed isir, ikun hemm allokazzjoni qawwija ta’ fondi għal dan il-għan. Irid ikun hemm viżjoni qawwija u serja ta’ fhiex għandhom jikkonsistu dawn l-ispazji, li ma tiddependix biss minn politiċi u burokratiċi, imma tinkludi bil-kbir, il-fehmiet tal-ispeċjalisti mħarrġa fis-sostenn tan-natura.

IS-SĦUBIJA FL-UE

Kienet ħaġa inevitabbli li għall-għoxrin anniversarju ta’ minn meta Malta daħlet membru sħiħ fl-Unjoni Ewropea, se jkun hemm kitbiet u ċerimonji li jikkommemoraw il-ġrajja. Il-biċċa l-kbir ovvjament kienu ċelebratorji. Fil-qasam politiku, imma anke f’oqsma oħrajn, il-fehma li tkun “irnexxiet” tibni madwarha kurrenti qawwija li jsostnu kemm kienet u għadha eċċellenti.

Ma setax jonqos li dan jiġri wkoll f’dal-każ. Biss li laqatni kien kif il-ħafna dikjarazzjonijiet li saru dwar kemm l-għażla tas-sħubija kienet għaqlija, baqgħu ġenerali fit-ton. Saru stqarrijiet ġenerali imma ftit li xejn kellhom referenzi partikolari għall-iżviluppi konkreti li seħħew fl-ekonomija u fis-soċjetà tagħna tul dawn l-aħħar għoxrin sena.

Issa hi ħaġa ċara: fuq għoxrin sena, il-qagħda tal-pajjiż tjiebet. Allaħares le. Għal min irid jara, bil-provi, l-punt jibqa’ li kieku twettqet l-alternattiva li ppropona l-Partit Laburista il-qagħda tagħna llum kienet tkun ħafna aħjar.

Ekonomija

Sport