Saturday, December 21, 2024

Il-GWU tisħaq fuq l-infurzar tas-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

Waqt laqgħa li saret mal-Ministru għax-Xogħlijiet Pubbliċi u l-Ippjanar Stefan Zrinzo Azzopardi, is-Segretarju Ġenerali tal-GWU Josef Bugeja sostna l-bżonn li jkun hemm iktar infurzar tas-saħħa u s-sigurtà fuq il-postijiet tax-xogħol.

Dan fl-isfond li fl-aħħar ġimgħat seħħew diversi inċidenti, uħud minnhom fatali, fuq il-postijiet tax-xogħol, bil-GWU tisħaq ukoll li l-kampanji t’għarfien dwar is-saħħa u s-sigurtà għandhom ikunu kontinwi u mhux isiru għal żmien partikolari.

Is-Sur Bugeja semma kif il-union jaslulha bosta lmenti li jikkonċernaw is-saħħa u s-sigurtà u min-naħa tagħhom jagħmlu ċert li dawn ikunu indirizzati lill-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol (OHSA). 

“Kruċjali f’dan kollu jibqa’ t-taħriġ tal-ħaddiema. Il-kampanji li jsiru fuq is-saħħa u s-sigurtà jridu jkunu kostanti u ma jiqfux wara biss ftit xhur,” tenna s-Sur Bugeja. 

Min-naħa tiegħu, il-Ministru Zrinzo Azzopardi qal li l-aspett tas-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol jibqa’ wieħed importanti u f’dan il-kuntest jixtieq jara l-OHSA li tkun aktar vibranti.

“Il-punt tat-tluq irid ikun li jkun hemm Awtorità aktar viżibbli u pro-attiva fil-messaġġi tagħha. L-Awtorità fil-fatt diġà qed ikollha preżenza akbar u qed tidher aktar,” tenna l-Ministru Zrinzo Azzopardi. Huwa żied jgħid li l-enfasi trid issir mhux biss fuq is-settur tal-kostruzzjoni iżda wkoll għas-setturi l-oħra kollha.

Preżenti f’isem il-GWU kien hemm ukoll il-President Victor Carachi, id-Deputat Segretarju Ġenerali Kevin Camilleri, is-Segretarju tat-Taqsima Gvern u Entitajiet Pubbliċi Kendrick Bondin u s-Segretarju tat-Taqsima Metall u Kostruzzjoni Jesmond Marshall.

Ekonomija

Sport