Friday, November 22, 2024

Il-GWU tisħaq fuq viżjoni u pjan nazzjonali għall-pajjiż kollu

- Il-proposti tal-GWU għall-Budget 2025

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

Il-General Workers’ Union ippreżentat il-proposti tagħha għall-Budget 2025 li kollha flimkien jorbtu mal-proposta ewlenija dik ta’ viżjoni u pjan nazzjonali għall-pajjiż kollu għal kwalità ta’ ħajja aħjar li twassal għal mobilità soċjali għal kulħadd. Viżjoni ħolistika mibnija fuq ix-xogħol, il-governanza, l-edukazzjoni, is-saħħa, l-ambjent, is-soċjal, l-infrastruttura, l-inklużjoni u l-ugwaljanza fost oħrajn. 

Dettalji dwar id-dokument ta’ proposti li ressqet il-GWU ngħataw f’konferenza tal-aħbarijiet li kienet indirizzata mis-Segretarju Ġenerali tal-GWU Josef Bugeja flimkien mal-President tal-GWU Victor Carachi, fil-Workers’ Memorial Building, il-Belt Valletta. 

Proposta ewlenija oħra hija s-sħubija awtomatika tal-ħaddiema fi trejdunjin tal-għażla tagħhom. Proposta li fil-prinċipju l-Partit Laburista qabel magħha tant li daħħalha fil-Manifest Elettorali tal-2022. 

Din il-proposta qed issir fid-dawl li l-GWU taf b’każi ta’ sfruttament u abbuż li għadhom qed isiru fuq il-ħaddiema. Is-Sur Bugeja tenna li l-union temmen li din il-miżura hija l-pass li jmiss għal titjib fil-kwalità tal-impjiegi. 

Fid-dokument tal-GWU ssir referenza wkoll għat-tkabbir ekonomiku, fejn jingħad li l-ekonomija ta’ Malta hija reżiljenti bi tkabbir proġettat ta’ 4.3% fl-2025, imħaddma mill-esportazzjoni, it-turiżmu u l-appoġġ tal-Gvern dwar il-prezzijiet tal-enerġija.

Id-defiċit tal-Gvern mistenni jonqos għal 3.9% tal-Prodott Gross Domestiku sal-2025. Il-GWU qed titlob li jkun hemm aktar għaqal fl-infiq tal-finanzi pubbliċi sabiex jiġi żgurat li l-ġid maħluq ikompli jwieżen l-aktar vulnerabbli u jinfirex fuq kulħadd.

Il-GWU tappoġġja wkoll it-tkomplija tas-sussidji fuq il-prezzijiet tal-enerġija u l-fjuwil sabiex jiġu protetti l-konsumaturi. L-iskema Stabbilità fil-prezzijiet naqqset b’suċċess l-inflazzjoni tal-ikel, bil-GWU ħeġġet lill-Gvern sabiex ikompli l-iskema biex jistabbilizza aktar il-prezzijiet tal-ikel.

Dinja ta’ xogħol ġdida u kundizzjonijiet tax-xogħol

Il-GWU ressqet ukoll proposti biex jiġu riveduti l-liġijiet tax-xogħol biex jadattaw għad-dinja ġdida tax-xogħol, inkluż protezzjoni aħjar għax-xogħol mill-bogħod, arranġamenti tax-xogħol flessibbli u ħlas doppju għall-ħidma nhar ta’ Ħadd u festi pubbliċi. 

Il-GWU enfasizzat l-importanza li jiġu introdotti first aiders tas-saħħa mentali f’kull post tax-xogħol u sejħet għal titjib fil-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja permezz ta’ żidiet gradwali fil-ħlas tal-leave tal-ġenituri. 

Proposti oħra jinkludu ż-żieda fil-pensjonijiet, bil-GWU qed tipproponi għal żieda kemm fil-pensjonijiet kontributorji kif ukoll f’dawn li mhumiex biex jiġu appoġġjati l-pensjonanti. Il-GWU titkellem ukoll dwar it-tielet pilastru u pensjonijiet volontarji tax-xogħol. Żiedet tenfasizza għall-introduzzjoni tal-iskema Flexi-Employment, li tippermetti lill-ħaddiema jirtiraw kmieni filwaqt li jirċievu pensjonijiet pro-rata.

Il-GWU qed titlob għal investimenti aktar ekoloġiċi, standards aktar stretti tal-emissjonijiet, żieda fis-sussidji għal vetturi elettriċi u aktar spazji ħodor.

Il-proposti jinkludu l-estensjoni tal-Iskema ta’ Equity Sharing għal dawk bi dħul baxx u ż-żieda fil-fondi għall-akkomodazzjoni soċjali biex jiġu miġġielda l-ispejjeż dejjem jiżdiedu tal-akkomodazzjoni.

Proposti oħra jinkludu s-sostenibilità, l-ambjent, l-infurzar, il-Green Economy, l-ippjanar tax-xogħlijiet fit-toroq, l-investiment fl-infrastruttura essenzjali, iż-żgħażagħ u l-edukazzjoni. Dwar din tal-aħħar, il-GWU tappoġġja t-tkabbir tat-taħriġ vokazzjonali u l-internships flimkien ma’ għotjiet għal ħajja aktar sana u appoġġ miżjud għall-persuni b’diżabilità u dawk neqsin mid-dawl.

Finalment, id-dokument tal-GWU jitkellem dwar Għawdex, fejn issir enfasi dwar l-investiment fl-infrastruttura kemm bħala toroq kif ukoll bħala parkeġġi fost affarijiet oħra. 

Il-GWU kienet ukoll ressqet dawn il-proposti quddiem il-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali (MCESD) fil-ġimgħat li għaddew. 

Sport