Il-General Workers’ Union (GWU) formalment innotifikat lill-kumpanija RSSL (Resource Support & Services Ltd.) bl-intenzjoni tagħha li tordna azzjoni industrijali, wara l-feedback qawwi li rċeviet mingħand il-membri tagħha (ħaddiema eks-Airmalta) dwar il-ftehim propost.
Il-GWU sejħet laqgħa ta’ informazzjoni mal-membri tagħha, li matulha ġew spjegati u diskussi fid-dettall il-kontenut u l-kundizzjonijiet tal-ftehim propost. Wara din il-laqgħa, il-membri esprimew b’mod ċar il-pożizzjoni tagħhom li l-ftehim propost ma jistax jiġi aċċettat fil-forma preżenti tiegħu.
Il-GWU reġgħet enfasizzat mal-kumpanija li l-proposti li qed jitressqu bħalissa għadhom ferm ’il bogħod minn dawk ippreżentati mill-Union. Din il-pożizzjoni ilha tiġi sostnuta matul id-diskussjonijiet, bil-GWU tkompli tinsisti li l-kwistjonijiet imqajma mill-membri tagħha għandhom jiġu indirizzati b’mod xieraq u ġust.
Tħassib serju tqajjem ukoll dwar benefiċċji u kundizzjonijiet li diġà jinsabu fil-Ftehim Kollettiv eżistenti u li huma fis-seħħ. Il-GWU tinsab imħassba dwar proposti li jistgħu jwasslu għal tnaqqis jew tneħħija ta’ dawn il-benefiċċji u kundizzjonijiet, minkejja li jeżistu dokumenti ċari li jirregolawhom u li jispeċifikaw li l-benefiċċji monetarji eżistenti m’għandhomx jitnaqqsu jew jitneħħew.
Kwistjoni oħra importanti hija dik tal-arretrati. Il-kumpanija mhijiex qed tikkunsidra l-ħlas tal-arretrati relatati ma’ perjodu ta’ tliet snin u nofs, minkejja li l-Ftehim Kollettiv ilu li skada u l-kwistjoni ilha pendenti għal dan il-perjodu.
Il-GWU ressqet dawn il-punti ta’ tħassib quddiem il-kumpanija f’diversi okkażjonijiet, inkluż waqt il-proċeduri ta’ tilwima industrijali quddiem id-Direttur għar-Relazzjonijiet Industrijali u tal-Impjiegi (DIER). Minkejja dan, il-kwistjonijiet ewlenin għadhom ma ġewx solvuti.
Fid-dawl tal-pożizzjoni espressa mill-membri tagħha, il-GWU formalment innotifikat lill-kumpanija li, jekk ma tasalx risposta sodisfaċenti li tindirizza l-kwistjonijiet pendenti, il-Union se tordna azzjoni industrijali lill-impjegati kollha koperti minn dan il-Ftehim Kollettiv.
Il-GWU tirriżerva wkoll id-dritt li tkompli teskala l-kwistjoni permezz tal-mezzi legali u industrijali xierqa.
Fl-istess waqt, il-GWU tibqa’ disponibbli għal aktar diskussjonijiet u negozjati mal-kumpanija u se tkompli taħdem biex tinstab soluzzjoni ġusta u sodisfaċenti li tħares id-drittijiet, il-benefiċċji u l-kundizzjonijiet tal-ħaddiema kollha kkonċernati.

