X’leħen għandhom fil-partiti politiċi t-tesserati u s-segwaċi tagħhom? Għandhom saħħa biżżejjed tassew biex iqajmu mistoqsijiet dwar il-politika li biha jkun miexi l-partit tagħhom u jekk hemm bzonn, biex jibdluha? Jekk iva, kif juruha dis-saħħa?
Il-mistoqsija tqum għax f’diversi pajjiżi tal-Ewropa, il-laqgħat u l-battibekki dwar l-għażliet li partit irid jieħu, donnhom isiru permezz tal-medja elettroniċi. Diffiċli tagħraf jekk dak li jingħad huwiex tassew ġenwin jew manipulat. Sadattant, ħafna mil-laqgħat interni, publiċi jew le, jispiċċaw spettakli… aktar jew aktar meta tidħol il-medja… Matulhom il-membri preżenti jispiċċaw spettaturi f’liturġija ta’ applaws għat-tmexxija. L-aqwa xempju ta’ dan sar il-Partit Republikan fl-Istati Uniti kemm ilu mmexxi minn Trump. Imma r-Republikani mhumiex waħidhom f’dil-biċċa. Mank li kienu!
Id-dibattiti interni fil-partiti li qabel kienu jressqu lejn sinteżi politika fejn il-membri kienu jħossuhom mismugħa u stmati, m’għadhomx isiru daqstant. Minflok, id-dibattiti bejn membri tal-partiti saru spettaklu pjuttost fjakk, indirizzat lejn min jara t-TV.
SENTENZA TA’ MEWT
Hi diżgustanti mill-bidu sal-aħħar u f’kull aspett tagħha, l-istorja ta’ Christa Pike, il-mara li kellha tingħata l-forka fl-istat ta’ Tennessee, l-Istati Uniti. M’hemmx dubju li d-delitt tagħha, li dwaru żgur kienet ħatja, kien orribbli. Kellha 18-il sena meta kkommettietu, wara tfulija ħarxa fejn ġiet abbużata bla rażan. Qattgħet aktar minn 30 sena miżmuma kważi dejjem f’iżolament komplet, tistenna l-forka, f’data li baqgħet dejjem tiġi posposta. L-avukati tagħha għamlu talba, li ma ġietx milqugħa, biex is-sentenza ta’ mewt tagħha tingħata b’mod li jkun effikaċi. Inżamm il-“protokoll” ta’ qtil li bih kellha tiġi injettata b’kimika li tifgalha n-nifs.
Il-kimika ngħatat għal darba, tnejn. U ma ħadmitx (ma kinitx l-ewwel darba li dil-proċedura marret żmerċ f’Tennessee…) Lil Pike ħaduha l-isptar biex idewwuha…
Rari kellna storja tal-waħx bħal din dwar it-tifsira u l-konsegwenzi li joħorġu minn deċiżjoni ta’ stat demokratiku biex itemm il-ħajja ta’ ċittadin tiegħu.
SUSSIDJI
Jekk ġie rapportat tajjeb, ir-rendikont li ta l-Ministru tal-Finanzi Clyde Caruana l-ġimgħa li għaddiet dwar il-qagħda li tinsab fih l-ekonomija Maltija hu inkwetanti. Jekk fhimt tajjeb, is-sussidji fuq fjuwil u prodotti oħra tal-enerġija tant saru importanti għall-ekonomija Maltija li allaħares jitneħħew. Anke jekk fiċ-ċirkostanzi internazzjonali li żviluppaw, qed isiru wisq ta’ toqol fuq il-finanzi tal-pajjiż, tant li jkollhom jitnaqqsu impenji oħra. Mingħajr is-sussidji, l-ekonomija togħtor.
Ftakart fil-mit Grieg ta’ Ikaru li bena gwienħajn b’rix marbuta flimkien bix-xama. Wissewh biex ma jtirx wisq fil-għoli, imma għamel hekk. Is-sħana tax-xemx dewbet ix-xama. Ir-rix inħall mill-gwienaħ. Ikaru ssabbat mal-art.

