Il-GWU u Dar Emmaus jimxu ‘l quddiem lejn negozjati għal Ftehim Kollettiv

Laqgħa pożittiva fix-Xewkija twitti t-triq għal djalogu u negozjati bejn iż-żewġ naħat

Aqra wkoll

It-Taqsima Gvern, Entitajiet Pubbliċi u Saħħa flimkien mar-rappreżentant għal Għawdex fi ħdan il-General Workers’ Union (GWU) kellhom laqgħa kostruttiva mat-tmexxija ta’ Dar Emmaus nhar it-Tnejn filgħaxija fil-uffiċċju tal-FSWS, ix-Xewkija, Għawdex, fejn id-diskussjoni ffukat fuq it-triq ’il quddiem lejn Ftehim Kollettiv għall-ħaddiema. 

Il-laqgħa saret f’atmosfera pożittiva u ta’ rispett, biż-żewġ naħat jesprimu r-rieda tagħhom li jiċċaraw nuqqas ta’ ftehim li seta’ kien hemm fil-passat u jibnu bażi kostruttiva għad-diskussjonijiet li jmiss. Il-GWU laqgħet dan l-approċċ u tenniet l-impenn tagħha favur djalogu li jwassal għal ftehim ġust u ta’ benefiċċju għall-partijiet kollha. 

F’isem id-Dar kien hemm preżenti Dun Mikiel Xerri, Mons. Joseph Vella Gauci, il-Kap tad-Dar Elena Bozhinova u Paul Azzopardi (membru fil-Bord). 

Matul il-laqgħa, Mons. Joseph Vella Gauci ta lir-rappreżentanti tal-GWU spjegazzjoni dettaljata dwar il-ħidma ta’ Dar Emmaus, fosthom il-missjoni tagħha, l-istruttura organizzattiva u s-servizzi li toffri lir-residenti. Din l-informazzjoni għenet biex ikun hemm fehim aktar ċar tal-operat tad-Dar, tal-proċessi interni tagħha u tal-pjanijiet għall-futur. 

Bħala ġest ta’ apprezzament u rieda tajba, Mons. Vella Gauci ppreżenta wkoll lill-GWU numru ta’ kotba ta’ edizzjoni limitata sabiex jiżdiedu mal-kollezzjoni tal-librerija tal-Union. Dan il-ġest kompla jirrifletti l-ispirtu pożittiv u r-rispett reċiproku li kkaratterizzaw il-laqgħa. 

Wara din il-laqgħa, il-GWU issa qed tistenna abbozz ta’ proposta mit-tmexxija ta’ Dar Emmaus, li se jservi bħala bażi sabiex jibdew formalment in-negozjati dwar il-Ftehim Kollettiv. 

Il-GWU tibqa’ impenjata li tkompli b’dawn id-diskussjonijiet fi spirtu ta’ kooperazzjoni u djalogu soċjali, bil-għan li jintlaħaq ftehim kollettiv ġust, trasparenti u sostenibbli li jipprovdi kundizzjonijiet ċari u aħjar għall-ħaddiema li tirrappreżenta. 

Il-Union temmen li d-djalogu kostruttiv huwa l-aħjar triq sabiex jiġu indirizzati l-kwistjonijiet pendenti u jintlaħaq ftehim fl-aħjar interess tal-ħaddiema u tal-partijiet kollha involuti. 

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport