Mid-diskussjoni politika li dejjem għaddejja – kif għandu jkun f’demokrazija – żewġ suġġetti jispikkaw bl-assenza tagħhom. Is-sigurtà u l-politika barranija la jissemmew fil-Parlament, la jitqanqlu fi programmi tal-medja u wisq anqas ma jqumu matul kampanji elettorali. Ġieli jkollna diskors dwar in-newtralità imma kważi qatt ma jinkwadra ruħu f’konversazzjoni dwar il-viżjoni ġenerali tar-relazzjonijiet internazzjonali li l-pajjiż għandu jkollu. L-istess dwar sigurtà: l-aktar li qisniha kien f’disputi dwar l-immigranti rregolari meta dawn kienu jaslu fostna bil-qawwi. Kemm ilhom li l-wasliet naqsu kważi għal kollox, anke das-suġġett ftit li xejn jissemma aktar.
Ir-raġuni għan-nuqqas ta’ interess publiku – igħidulna – hu għax f’dawn l-oqsma, hemm l-Unjoni Ewropea li tieħu ħsieb. Meta niddiskutuhom bejnietna, nagħmlu hekk bħala parti mill-ħidma li twettaq l-Unjoni. Imma fi ħdanha, ħafna mill-kompetenzi li jaqgħu taħt politika barranija u s-sigurtà għadhom responsabbiltà nazzjonali. Id-deċiżjonijiet dwarhom fuq livell Ewropew jittieħdu wara diskussjonijiet-negozjati bejn il-gvernijiet tal-pajjiżi membri. Kollha jressqu għad-diskussjoni il-politika tagħhom kif diskussa u setttjata fil-kapitali nazzjonali rispettivi.
DRITTIJIET
Kif jorbtu d-drittijiet tal-bniedem mad-drittijiet tal-annimali – jekk tal-aħħar jeżistu? Sal-lum għadna norganizzaw il-ħajja madwarna skont il-fehma li did-dinja hi tagħna l-bnedmin u li kull bhima oħra, trid tinżamm taħt kontroll uman u fl-aħħar mill-aħħar trid isservi għall-aqwa ġid tal-bnedmin. Jekk nittrattaw lill-bhejjem l-oħra b’mod “uman”, dan jiġri bħala att ta’ ħniena mhux għax huma għandhom xi dritt għal dan it-trattament.
Wara kollox, mhux dejjem il-bnedmin kienu “minn fuq”. Fl-epoki meta ma kienx hekk, ħadd ma qajjem il-problema tad-drittijiet. Għaliex mela, llum hemm min qiegħed iqajjimha favur il-bhejjem li mhumiex bnedmin? Mhumiex biss il-kaċċaturi u l-balzmaturi – x’aktarx – li jinkazzaw b’dan l-iżvilupp.
SEWQAN
Nismigħu kuljum dwar aċċidenti tat-traffiku orribbli. Donnhom qed jiżdiedu. Raġuni għal dan żgur hi li n-numru ta’ vetturi fit-toroq żdied b’rata fenomenali. Imma jgħidulek ukoll li hemm raġunijiet oħra wkoll.
Fosthom li l-livell ta’ sewqan fit-toroq sejjer mill-ħażin għall-agħar għax – is-sewwieqa ftit li xejn iħabblu rashom biex isuqu bil-galbu u l-indikaturi ta’ fejn iridu jduru, xellug jew lemin, qatt ma jmissuhom; ħafna toroq sekondarji jinsabu fi stat ħażin imma xorta s-sewwieqa jvenvnu matulhom; żdiedu wisq fil-għadd il-muturi u jinsaqu b’sens ta’ avventura u ħeffa; żdiedet il-frustrazzjoni ta’ sewwieqa mwaħħla fit-traffiku, li jispiċċaw b’seba’ mitt sena biex jaħarbu lejn fejn iridu jaslu, b’konsegwenzi traġiċi.
Ħabib tiegħi qalli: Lanqas trid tinsa l-inkwiet ta’ ħafna sewwieqa li huma u jsuqu, jintilfu jitħassbu dwar fejn u kif se jipparkjaw meta jaslu fid-destinazzjoni tagħhom. B’hekk jaljenaw irwieħhom…
