Il-Prim Ministru Robert Abela saħaq li l-Mediterran għandu jkun trattat bħala prijorità Ewropea. Huwa sostna dan waqt is-Summit tal-MED 9 li qed isir fil-belt ta’ Split fil-Kroazja.
Dr Abela qal li d-diskussjonijiet bejn il-mexxejja kkonfermaw il-prinċipju li Malta ilha timbotta ’l quddiem fuq livell Ewropew. Il-Prim Ministru sostna li l-Mediterran huwa l-post fejn is-sigurtà, il-kummerċ u r-reżiljenza klimatika Ewropea jiġu flimkien u għalhekk id-deċiżjonijiet li jaffettwaw lill-Mediterran huma d-deċiżjonijiet li se jaffettwaw lill-Ewropa kollha.
Waqt l-istess Summit il-prim Ministru saħaq dwar l-importanza li l-budget li jmiss tal-Unjoni Ewropea għandu jirrifletti l-prijoritjajiet tal-Mediterran u r-realtajiet differenti tal-istati membri, fosthom l-isfidi tal-gżejjer.
Qal li Malta hija lesta teżamina sorsi ġodda ta’ dħul għall-Unjoni, sakemm ikunu ġusti u proporzjonati, iżda esprima oppożizzjoni għal tassazzjoni fuq livell Ewropew, għax qal li din għandha tibqa’ r-responsabbiltà tal-gvernijiet u l-parlamenti nazzjonali.
Waqt l-ewwel sezzjoni tal-MED 9, il-Prim Ministru Abela appella biex l-Unjoni Ewropea tħares l-koeżjoni u l-appoġġ għall-agrikoltura u s-sajd, filwaqt li jkun hemm riżorsi prevedibbli għall-konnettività, is-sigurtà tal-enerġija, il-ħarsien tal-fruntieri u l-immaniġġjar tal-migrazzjoni.
Sostna li l-budget għandu jnaqqas il-piżijiet amministrattivi u jevita li jkun hemm sistema ċentralizzata żżejjed li ddgħajjef ir-responsabbiltà nazzjonali.
Dr Abela għamel enfasi li l-pożizzjoni ġeografika toħloq spejjeż reali għall-gżejjer u għar-reġjuni mbiegħda mis-swieq ewlenin Ewropej. Għalhekk appella għal investiment fil-konnessjonijiet marittimi u bl-ajru, fil-portijiet u fl-infrastruttura tal-enerġija, tat-trasport u diġitali.
Qal ukoll li l-miżuri għat-tnaqqis tal-emissjonijiet m’għandhomx ipoġġu r-rotot jew l-industriji tal-gżejjer fi żvantaġġ, filwaqt li t-tranżizzjoni u t-tħejjija għat-tibdil fil-klima għandhom ikunu ġusti u affordabbli.
Dwar is-sigurtà, il-Prim Ministru Dr Abela qal li l-Unjoni Ewreopa għandha tqis it-theddid minn kull direzzjoni, anki f’reġjuni fejn l-instabbiltà taffettwa n-navigazzjoni, il-kummerċ u l-provvista tal-enerġija.
Dwar it-tkabbir tal-Unjoni Ewropea, il-Prim Ministru Dr Rober Abela laqa’ l-momentum imġedded iżda saħaq li l-proċess għandu jibqa’ bbażat fuq il-mertu u r-riformi.

