Iż-żgħażagħ huma fost l-aktar riżorsi importanti għall-futur ta’ pajjiżna u għalhekk għandhom jingħataw l-għodod, il-ħiliet u l-opportunitajiet meħtieġa biex jilqgħu l-isfidi ta’ dinja tax-xogħol li qed tinbidel b’pass mgħaġġel.
Dan kien fost il-messaġġi ewlenin li wassal is-Segretarju Ġenerali tal-GWU Kevin Camilleri waqt laqgħa li l-amministrazzjoni ċentrali tal-General Workers’ Union kellha mal-Ministru għaż-Żgħażagħ, il-Benesseri u l-Implimentazzjoni tal-Programm Elettorali Omar Farrugia.
Camilleri sostna li waħda mill-akbar sfidi li se jiffaċċjaw il-ħaddiema u s-soċjetà fis-snin li ġejjin hija d-diġitalizzazzjoni u l-iżvilupp mgħaġġel tal-intelliġenza artifiċjali (AI). Huwa enfasizza l-ħtieġa li l-AI tiġi regolata b’mod responsabbli u fil-ħin, qabel l-iżvilupp tagħha jaqbeż il-kapaċità tas-soċjetà li tmexxiha u tiżgura li tintuża għall-ġid tal-bniedem u mhux għad-detriment tiegħu.
Is-Segretarju Ġenerali qal ukoll li l-GWU temmen bis-sħiħ fiż-żgħażagħ, tant li għandha sezzjoni ddedikata għalihom sabiex iwasslu l-vuċi, l-ideat u l-aspirazzjonijiet tagħhom. Huwa saħaq fuq l-importanza li kull żagħżugħ u żagħżugħa jkunu kontinwament mgħammra b’ħiliet ġodda u aġġornati biex ikunu ppreparati għar-realtajiet il-ġodda tas-suq tax-xogħol.
Min-naħa tiegħu, il-Ministru Omar Farrugia qal li s-sehem taż-żgħażagħ f’pajjiżna huwa kruċjali u għalhekk dan huwa settur tas-soċjetà li hemm bżonn nibqgħu nieħdu ħsiebu u nkabbruh, filwaqt li nifhmu l-aspirazzjonijiet tagħhom u noħolqu l-kundizzjonijiet biex jilħqu l-potenzjal tagħhom.
Il-Ministru faħħar ukoll il-ħidma li qed twettaq il-GWU fin-negozjar tal-kundizzjonijiet tal-ħaddiema u ddikjara l-appoġġ tiegħu għal din il-ħidma. Huwa sostna li se jkompli jaħdem spalla ma’ spalla mal-Union biex jissaħħu d-drittijiet u l-kundizzjonijiet tax-xogħol.
Żied jgħid li matul l-ewwel xhur ta’ din il-leġiżlatura ra l-importanza li jibda proċess ta’ konsultazzjoni ma’ gruppi differenti ta’ żgħażagħ ta’ etajiet u sfondi varji, sabiex il-politiki futuri f’dan il-qasam jinbnew fuq il-ħtiġijiet u l-aspirazzjonijiet reali tagħhom.
Is-Segretarja tal-GWU Youths, Mikela Muscat, l-ewwel Segretarju full-time ta’ din it-Taqsima, tkellmet dwar is-sinerġija li rnexxielha tibni maż-żgħażagħ studenti tal-MCAST li qed jagħmlu l-apprenticeship u l-internship tagħhom fi ħdan it-Taqsima. Hija qalet li din l-esperjenza urietha kemm huwa importanti li ż-żgħażagħ jingħataw opportunitajiet reali biex jitgħallmu, jiżviluppaw u jikkontribwixxu b’mod attiv.
Saħqet li għad hemm diversi oqsma li jeħtieġu aktar investiment u tisħiħ għall-ġid tat-tfal u ż-żgħażagħ tagħna, b’mod partikolari fit-tagħlim ta’ ħiliet bażiċi li, għalkemm ħafna drabi jittieħdu for granted, huma essenzjali għall-iżvilupp personali, soċjali u professjonali tagħhom. Hija enfasizzat li huwa importanti li nkomplu niżviluppaw il-kapaċitajiet, il-ħiliet u l-opportunitajiet taż-żgħażagħ, sabiex ikunu ppreparati aħjar biex isiru l-irġiel u n-nisa ta’ għada u jagħtu kontribut pożittiv lis-soċjetà.
Matul il-laqgħa ġew diskussi wkoll diversi temi ta’ importanza nazzjonali, fosthom il-ħtieġa li jissaħħaħ ir-rispett lejn l-awtoritajiet u li tiġi promossa kultura ta’ dixxiplina u responsabbiltà ċivika, it-titjib fis-sistema tat-trasport, l-isfidi u l-opportunitajiet marbuta mat-tkabbir tal-popolazzjoni, il-potenzjal tas-silver economy, kif ukoll il-valur tal-volontarjat bħala mezz biex tiżdied il-parteċipazzjoni attiva fis-soċjetà.
Preżenti għal din il-laqgħa f’isem il-GWU kien hemm id-Deputat Segretarju Ġenerali Kevin Abela, il-President Jason Deguara u s-Segretarju tal-GWU Youths Mikela Muscat.


