L-Ufiċċju Meteoroloġiku bi twissija oranġjo għal nhar is-Sibt 8 ta’ Awwissu … it-temperaturi se jkomplu jogħlew

Aqra wkoll

L-Uffiċċju Meteoroloġiku għandu fis-seħħ Twissija Safra li mistennija tiġi aġġornata għal Twissija Oranġjo, it-tieni l-ogħla grad ta’ twissija, minħabba s-sħana qawwija li għal darb’oħra qiegħda taħkem fuq il-Gżejjer Maltin.

Fil-fatt, mil-lbieraħ l-Erbgħa, l-ogħla temperatura mistennija tkun qrib il-35°C, għalkemm it-temperaturi jistgħu jinħassu qrib l-40°C. Is-Sibt 8 ta’ Awwissu mistennija tkun l-aktar ġurnata sħuna tal-ġimgħa, b’temperatura ta’ 36°C, tant li għal dakinhar l-Uffiċċju Meteoroloġiku diġà ħareġ twissija oranġjo.

Fil-ġranet ta’ wara, hekk kif jibdew il-vaganzi ta’ Santa Marija, it-temperaturi mistennija jibqgħu qrib il-35°C, bit-twissijiet għall-pubbliku jistgħu jiġu estiżi anke għal ġimgħa d-dieħla.

It-temp għas-sebat ijiem li ġejjin se jibqa’ dejjem xemxi u sħun, hekk kif l-għerejjex marbuta ma’ dan iż-żmien, li joffru xi ftit jew wisq ta’ dell mix-xemx qalila ta’ Awwissu, għadhom jidhru ‘l bogħod. Anke r-riħ li mil-lejla se jdur mill-Punent il-Lbiċ għall-Punent Majjistru għall-bqija tal-ġimgħa, se jibqa’ kalm ħafna u mhux mistenni joffri wisq serħan mis-sħana.

Dawn it-temperaturi għolja qed ikunu kkawżati minn firxa ta’ pressjoni għolja li bħalissa tinsab mifruxa fuq iċ-ċentru tal-Mediterran u l-Libja. Minkejja dan, sa issa ma jidhirx li qegħdin nidħlu fit-tieni mewġa ta’ sħana, hekk kif it-temperaturi mhumiex mistennija jaqbżu s-37°C għal tlett ijiem konsekuttivi jew aktar. In-norma klimatika għax-xahar ta’ Awwissu hija temperatura medja massima ta’ 32°C.

Il-pubbliku huwa mħeġġeġ jibqa’ jsegwi l-avviżi li jinħarġu mill-awtoritajiet tas-saħħa, partikolarment biex jevita x-xemx diretta għal ħin twil, jixrob ħafna ilma, u jieħu ħsieb lill-persuni vulnerabbli, partikolarment l-anzjani u t-tfal.

Għall-aħħar tbassir tat-temp dettaljat, il-pubbliku huwa mħeġġeġ iżur is-sit maltametoffice.com.

Lulju Qalil Jikser ir-Rekords

Intant ix-xahar li għadda, li ġab miegħu mewġa ta’ sħana ta’ sebat ijiem bejn is-16 u t-22 ta’ Lulju, kien kważi 3°C aktar sħun min-norma klimatika. Fil-fatt, it-temperatura medja matul ix-xahar li għadda kienet dik ta’ 29.7°C.

Fl-eqqel tal-mewġa tas-sħana, l-Uffiċċju Meteoroloġiku kejjel l-ogħla temperatura li qatt tkejlet matul ix-xahar ta’ Lulju, jiġifieri dik ta’ 43.3°C. Għall-ewwel darba fir-rekords tal-Uffiċċju Meteoroloġiku, it-temperatura qabżet l-42°C għal tlett ijiem konsekuttivi.

Anke t-temperatura medja f’wiċċ il-baħar kienet 3°C ogħla min-norma klimatika, għal 28.2°C.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport