Sunday, December 22, 2024

Il-GWU Youths bi preżenza fil-Freshers’ Week tal-MCAST

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

Is-Segretarju Ġenerali tal-GWU Josef Bugeja żar il-Freshers’ Week tal-MCAST fejn hemmhekk is-sezzjoni taż-żgħażagħ tal-istess union għandha ‘stand’ sabiex tippromwovi aktar ir-relazzjonijiet industrijali speċjalment is-sħubija fit-trejdunjins. Ta’ min ifakkar li l-GWU hija fost dawk li qed jaċċettaw apprentisti għal perjodu ta’ sentejn biex jitħarrġu u fl-istess ħin jagħtu sehemhom fi ħdan il-union.

F’kummenti lil dan is-sit, is-Sur Bugeja semma kif bħala union, il-fergħa taż-żgħażagħ jagħtuha importanza kbira. “Ħadna apprentisti magħna, trawmu magħna u baqgħu jaħdmu magħna. Kull meta ssir il-Freshers’ Week nieħdu sehem biex nippromwovu aktar il-prinċipji trejdujonistiċi fil-qafas tax-xogħol u tas-solidarjetà,” qal is-Segretarju Ġenerali tal-GWU li semma wkoll kif dan jagħmluh biex jagħtu ħajja aktar żagħżugħa lill-GWU.

Huwa tenna li dawn l-istudenti huma l-ħaddiema ta’ għada u bil-preżenza tal-union f’istituzzjonijiet bħalma hi l-MCAST, ikunu jafu għalfejn qiegħda hemm il-GWU u xi prinċipji tħaddan. “Il-GWU Youths ippreparaw kollox huma din is-sena, u nieħu pjaċir niġi hawn u nagħti l-appoġġ tiegħi,” temm jgħid is-Sur Bugeja.

Min-naħa tiegħu, is-Segretarju tal-GWU Youths Larinov Muscat spjega li huma qegħdin iħeġġu lill-istudenti sabiex jissieħbu magħhom bħala trejdunjin u anke sabiex jagħtu sehemhom fil-GWU. 

“Bħala GWU, nemmnu ħafna fl-apprentistat. Il-GWU dejjem tat is-sehem tagħha f’dan ir-rigward fejn ilqajna diversi apprentisti. Konna ta’ suċċess biex wassalna diversi żgħażagħ fuq il-post tax-xogħol u kien hemm minnhom li saħansitra baqgħu jaħdmu magħna wkoll,” qal Muscat.

L-istand tal-GWU Youths se tibqa’ tkun hemm sal-Ġimgħa 15 ta’ Ottubru.

Ekonomija

Sport