Monday, November 11, 2024

“Il-ħaddiem fiċ-ċentru tad-deċiżjonijiet li nieħdu ta’ kuljum”

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

Waqt li kien qed jindirizza l-Konferenza Ġenerali tal-Partit Laburista, il-Prim Ministru u Mexxej Laburista Robert Abela ddikjara li l-ħaddiem jinsab fiċ-ċentru tad-deċiżjonijiet li dan il-Gvern jieħu ta’ kuljum, mhux l-inqas bit-titjib fil-kundizzjonijiet tax-xogħol. 

Fid-diskors tiegħu, il-Prim Ministru spjega li fl-aħħar tliet snin, ingħalqu xejn inqas minn 58 ftehim kollettiv u settorjali. Qal li filwaqt li s-settur privat jibqa’ l-akbar mutur fil-ħolqien tal-impjiegi, qed jintefqu mal-€1.2 biljun fis-sena fuq il-pagi tal-ħaddiema tal-Gvern, li jfisser id-doppju ta’ qabel l-2013.

“Jekk irdoppjat l-ekonomija assigurajna li bit-tkabbir ekonomiku, il-ħaddiema ma jaqgħux lura. Kull ftehim dejjem immorru għalih biex intejbu l-kundizzjonijiet b’mod ġust għall-ħaddiema fl-istess waqt ikun sostenibbli u responsabbli għall-pajjiż,” tenna l-Prim Ministru. 

F’dan l-ambitu, Dr Abela tkellem dwar il-proposti li qed jippreżenta l-Gvern biex itejbu l-qagħda tal-infermiera u l-qwiebel li fi kliemu huma saħansitra ferm aqwa bħala żidiet minn dak li ngħataw fl-aħħar ftehim li kien ġie innegozjat. Dan kollu, tenna l-Prim Ministru, qed isir b’mod responsabbli lejn il-pajjiż kollu kemm hu bl-istess prinċipju li sar għal kull ftehim ieħor.

Huwa appella biex kull min għandu interess f’din il-kwistjoni jfittex l-informazzjoni li hi fattwali sabiex ikun tassew f’pożizzjoni li jiġġudika u jieħu deċiżjoni korretta. Qal li jinsab konvint li bħalma waslu fi ftehimiet oħra, it-triq tar-responsabbiltà twassal biex f’dan il-każ ikun hemm deċiżjoni li ttejjeb il-kundizzjonijiet b’mod resposabbli, sostenibbli u b’mod li jkun wieħed ġust.

Sport