Thursday, December 26, 2024

“Il-ħaddiema barranin jew l-ingaġġar tagħhom m’għandu qatt ikun is-suq tal-iskjavi”

- is-Segretarju Parlamentari Rebecca Buttigieg

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

Is-Segretarju Parlamentari għar-Riformi u l-Ugwaljanza Rebecca Buttigieg iddikjarat fil-Parlament li l-ħaddiema barranin jew l-ingaġġar tagħhom m’għandu qatt ikun is-suq tal-iskjavi.

Filwaqt li nnotat kif il-maġġoranza tal-ħaddiema barranin qegħdin ikunu trattati b’dinjità u kuntenti li qed jaqilgħu l-biċċa ħobż ta’ kuljum f’pajjiżna, is-Segretarju Parlamentari Buttigieg qalet li bl-emendi kif proposti se tissaħħaħ ir-regolamentazzjoni ta’ dawn l-aġenzji tax-xogħol.

“B’hekk inkomplu nattakkaw dawk is-sitwazzjonijiet u okkażjonijiet li jistgħu jwasslu għal xogħol prekarju anke jekk huma ftit mill-eluf ta’ ħaddiema barranin li qed jitħaddmu bil-prekarjat,” qalet is-Segretarju Parlamentari Buttigieg waqt id-diskussjoni parlamentari b’rabta mal-Abbozz ta’ Liġi li jemenda l-Att dwar l-Impjiegi u r-Relazzjonijiet Industrijali.

Hija qalet li l-ekonomija diversifikata ta’ pajjiżna toffri opportunitajiet ta’ xogħol f’setturi varji, kemm tal-pinna kif ukoll tal-id li għalihom m’hemmx biżżejjed ħaddiema Maltin. Dan jgħodd għall-qasam tas-saħħa, fil-kura tal-anzjani, fil-kostruzzjoni, fis-snajja, fis-settur tat-tindif, fil-manifattura u l-ospitalità fost oħrajn.

Buttigieg kompliet tgħid li: “min iħossu skomdu bil-ħaddiema barranin nistiednu jirrifletti fuq dan il-fatt u xi tkun is-sitwazzjoni mingħajr dawn il-ħaddiema. Għandu jifhem x’kontribut ekonomiku qed jagħtu dawn il-ħaddiema f’pajjiżna.”

Hija żiedet tgħid li huwa essenzjali li nħarsu mill-ġdid lejn ir-regolamentazzjoni ta’ dawn l-aġenziji biex jagħtu protezzjoni kontra l-isfruttament tal-ħaddiema, ħafna drabi ġejjin minn pajjiżi terzi.

“Għandna nagħmlu minn kollox biex l-isfruttament ta’ dawn il-ħaddiema ma jsir qatt għaliex imur kontra l-prinċipji soċjalisti tagħna, kontra l-ġustizzja soċjali li nemmnu fiha iżda fuq kollox imur kontra d-drittijiet tal-bnedem,” enfasizzat is-Segretarju Parlamentari Buttigieg.

Ekonomija

Sport