Saturday, December 21, 2024

Il-ħaddiema minn pajjiżi oħra

Aqra wkoll

L-akbar inkwiet daż-żmien għall-Maltin huwa n-numru kbir ta’ barranin li għandna fostna u li flimkien niffullaw dawn il-blatiet ċkejknin tagħna. Matul l-istorja tagħna u minħabba fejn qegħdin f’nofs il-Mediterran u għax ċkejknin, minn żmien għall-ieħor kien ikollna ħafna barranin jaħdmu fostna meta kien ikun hawn ix-xogħol u l-ħolqien tal-ġid u meta jkun hawn il-qgħad ħafna Maltin kienu jemigraw lejn pajjiżi oħra jfittxu x-xogħol.

Ngħidu aħna meta waslu l-kavallieri ġabu magħhom 5,000 persuna waqt li aħna kellna popolazzjoni ta’ 20,000 ruħ. L-istoriku Frans Ciappara jgħidilna li fis-seklu 18 ġew Malta jaħdmu ħafna barranin fosthom bħala ħaddieda, skrapan, legaturi tal-kotba, dawk li jagħmlu x-xagħar, ġojelliera, atturi, dawk li jagħmlu l-ħbula, tarznara u nissieġa. Jgħid ukoll li fl-istess ħin ħafna Maltin kienu jmorru jaħdmu Spanja, l-Italja, Franza u l-Portugall.

Xi ftit kienu jmorru ‘l bogħod bħal fil-gżira ta’ Martinique, fil-gżira ta’ Kuba u anki fil-Peru fejn fil-belt kapitali Lima nsibu fl-1773 ċertu Ġużeppi jaħdem iċ-ċikkulata u Giovanni Delocre minn Bormla jmexxi ħanut tal-ikel u tax-xorb. Daż-żmien minbarra aħna li twelidna hawn, għandna numru kbir li jżuruna bħala turisti. Għandna numru ta’ barranin li jaħdmu fostna. L-iċken numru huwa ta’ dawk li kienu waslu fostna irregolarment ifittxu ħajja aħjar.

Ejja nħarsu ftit lejn dawk il-barranin li jaħdmu fostna skont il-liġi. Malli noħroġ nimxi kmieni fil-għodu niltaqa’ ma’ persuni ġejjin minn pajjiżi oħra jistennew lil tal-linja biex teħodhom għax-xogħol f’inħawi differenti ta’ Malta. Jien u ġej lura nara ħafna żgħażagħ neżlin jaħdmu fil-lukandi ta’ madwar il-bajja ta’ San Ġorġ. Hemm isfel nara gruppi kbar ta’ ħaddiema jaslu kmieni biex jaħdmu fil-kostruzzjoni. Meta nitla’ fuq tal-linja spiss tkun mimlija ħaddiema ta’ nazzjonalita’ differenti sejrin għax-xogħol jew ġejjin lura d-dar.

M’għandniex biżżejjed Maltin

Qed inħossuna li mtlejna wisq barranin. Spiss irridu nitkellmu bl-Ingliż fejn inmorru. Mhux qed ninqdew tajjeb daqs qabel għax per eżempju jekk inmorru l-Mater Dei, insibu ħafna ħaddiema barranin jew qrabathom iridu jinqdew ukoll. Tort tal-ħaddiema barranin li qed inħossuna barranin f’artna fi gżira mimlija bini, traffiku u rassa?

Ilna b’rata baxxa ta’ twelid u m’għandniex biżżejjed Maltin għax-xogħol meħtieġ fostna. Issa qed jingħad li rridu investiment li jħaddem ftit nies u jħalli ħafna qligħ. Tajjeb li nagħmlu hekk għalkemm biex jirnexxielna rridu nkunu pajjiż b’ħiliet ferm ogħla milli għandna.

Anki jekk jirnexxielna nibnu l-ekonomija tagħna fuq xogħol b’teknoloġija avvanzata bi bżonn ta’ inqas nies, hemm oqsma tax-xogħol li bilfors trid ħafna nies għalihom. Min se jieħu ħsieb l-anzjani tagħna dejjem jiżdiedu? Min se jaħdem fil-kostruzzjoni? Min se jaħdem fil-lukandi u r-ristoranti? Min se jsuq il-karozzi? Min se jnaddaf? Kif se jkollna biżżejjed ħaddiema fl-isptar?

Kemm jiflaħ pajjiżna

Irridu jew ma rridux bilfors għandna bżonn il-ħaddiema barranin biex jagħmlu x-xogħol jew li ma nafux nagħmlu aħna, jew li ma rridux nagħmlu aħna u anki jekk nafu nagħmluh u rridu nagħmluh xorta m’għandniex biżżejjed Maltin biex nagħmluh. Inkella l-ekonomija tmur lura minħabba nuqqas ta’ ħaddiema. Lesti naċċettaw tnaqqis fil-livell tal-għixien?

Mhemmx għalfejn tkun nejja jew maħruqa: mimljin barranin iżjed milli għandna bżonn jew ma nġibux barranin. Il-bilanċ tajjeb f’kollox. Aħjar naraw kemm jiflaħ nies pajjiżna u ntejbu s-servizzi pubbliċi u l-infrastruttura biex ilkoll kemm aħna ninqdew tajjeb: kemm aħna li tweldina hawn kif ukoll dawk li jiġu jaħdmu fostna għax għandna bżonnhom.

Aħjar naraw kif insaħħu t-tagħlim tal-Malti, kemm għat-tfal tagħna li twieldu ħawn u dawk li ġew mal-ġenituri tagħhom. Aħjar naraw kif nitgħallmu ngħixu flimkien ma’ dawk li ġew jaħdmu hawn. Mhumiex ħaddiema biss. Huma persuni tad-demm u l-laħam bħalna, anki jekk ta’ kultura, razza differenti. Nistgħu nkunu patrijotti u nħobbu lill-pajjiżna bla nobogħdu popli u pajjiżi oħra

Ekonomija

Sport