Saturday, November 23, 2024

Il-ħaddiema ta’ Toly se jerġgħu jibdew jaħdmu ħamest ijiem fil-ġimgħa grazzi għall-miżuri tal-Gvern

Aqra wkoll

“Ninkoraġġixxi lill-ħaddiem u nassigurahom li se nkomplu nipproteġu l-bżulija tagħhom” – Il-Ministru Silvio Schembri 

“Il-miżuri ekonomiċi ta’ appoġġ li nieda l-gvern fi sfond ta’ sfidi bla preċedent qed juru s- sostenibbiltà fit-tul”, qal il-Ministru għall-Ekonomija, Investiment u Negozji Żgħar Silvio Schembri waqt żjara f’Toly Products, kumpanija li bdiet bl-operat tagħha f’Malta fl-1971. Matul id-49 ta’ storja, kompliet tespandi tant li llum tħaddem mat-320 ħaddiem. 

“Il-prijorità ewlenija ta’ Toly hija li tissalvagwardja l-impjiegi u dan jirrifletti l-prijorità tagħna wkoll. Waqt il-pandemija li affettwat kull settur madwar id-dinja, impjegati tat-Toly kellhom jaħdmu 4 darbiet fil-ġimgħa. Grazzi għall-miżuri ekonomiċi b’saħħithom li nedejna bħala gvern, b’sodisfazzjoni nilqa’ l-aħbar li issa l-ħaddiema dalwaqt se jkunu qed jirritornaw għall- ħidma tagħhom ta’ 5 darbiet fil-ġimgħa. Sodisfatt li l-għajnuna tal-gvern permezz ta’ miżuri b’saħħithom u bi skemi mnedija, servew ta’ appoġġ essenzjali sabiex ikunu ssalvagwardjati l- impjiegi kollha sabiex jippermetti li tkomplu bl-operat”. 

Fil-fatt, permezz tas-suppliment tal-paga li ħareġ bejn Marzu u Lulju, Toly bbenefikat iktar minn €185,000, li ppermetta l-kumpanija tegħleb l-isfidi. Il-Ministru Schembri qal li għalhekk kien ta’ importanza li s-suppliment tal-paga jingħata fi żmien tajjeb u b’mod effiċjenti meta kien meħtieġ u b’mod immedjat, sforz li assista lill-industrija tikkumbatti l-maltemp ikkawżat mill-pandemija fuq livell ekonomiku globali. 

“Għalhekk se nkunu qed nesploraw modi oħra li jippermettulna u jiffaċilitawlna l-innovazzjoni għall-benefiċċju tal-industrija tagħna. Kien ta’ sodisfazzjon kbir li nisma’ l-proġetti ambizzjużi ta’ investiment ta’ Toly li jikkumplimentaw il-viżjoni tagħna li nadattaw ekonomija ċirkulari”. 

Il-Ministru Schembri rringrazzja lill-imsieħba kollha involuti, lill-management ta’ Toly, lill-GWU u lill-ħaddiema li fehmu l-isforzi li saru sabiex l-impjiegi tagħhom ikunu protetti. 

“Ninkoraġġixxi lill-ħaddiema u nassigurahom li aħna se nkomplu nipproteġu l-bżulija tagħhom u nagħmlu dak kollu possibbli sabiex nipproteġu l-impjieg u l-għajxien tagħhom. Bħala gvern se nkunu ta’ spalla u se nkomplu nisimgħu l-proġetti tagħhom. Barra min dan, ninkoraġġikom sabiex taħtfu l-aqwa opportunitajiet. Bl-istess mod li għamilna fil-passat, se nkomplu nappoġġjawkom f’dan il-vjaġġ ta’ riġenerazzjoni tal-ekonomija tagħna”, qal il-Ministru Schembri. 

Iċ-Chairman u l-Kap Eżekuttiv ta’ Toly Products Andy Gatesy qal li Toly, kumpanija privata bi spirtu b’saħħtu ta’ familja, għandha viżjoni fit-tul u trid li Malta tkun fiċ-ċentru tan-negozju tagħha. 

“Fiċ-ċentru hemm il-konsumatur fi sfond ta’ strutturi kummerċjali globali. Aħna teknikament iffukati fuq manifattura l-aktar avvanzata u ħloqna mudell tan-negozju li huwa b’aġilità li qed jisfida metodi ta’ negozju tradizzjoniali. Filwaqt li l-COVID-19 fixklet l-industrija tas-sbuħija, l-għeluq ta’ ħwienet tal-bejgħ u t-tnaqqis tal-ħtieġa għall-make-up ma’ nies li bdew jaħdmu mid-dar u li bdew jilbsu maskri barra fil-pubbliku, madanakollu aħna kunfidenti li l-industrija hija reżiljenti u se terġa’ tqum fuq saqajha, ladarba terġa’ tinkiseb il-fiduċja tal-konsumatur. Żgur li Toly se tkun lesta li tieħu vantaġġ minn opportunitajiet ġodda meta jasal iż-żmien. Sadanittant, iċ-ċavetta hija li n-nies jinżammu siguri, nipproteġu l-impjiegi u nżommu r-ruħ tal-kumpanija tagħna ħaj. Nirringrazzja lill-gvern għall-appoġġ kontinwu lejn il-manifattura. Nixtieq ukoll nirringrazzja lill-impjegati għall-impenn u għas-sagrifiċċji tagħhom matul dawn l-aħħar ftit xhur”. 

Il-Kap Eżekuttiv ta’ Malta Enterprise Kurt Farrugia rringrazzja lill-management, lill-GWU u lill-impjegati kollha li rrikonoxxew li fi żminijiet diffiċli jiġbdu ħabel wieħed. Huwa tenna li l- manifattura tibqa’ s-sinsla tal-ekonomija tagħna filwaqt li rrimarka li diversi kumpaniji f’dan is-settur irnexxielhom iżommu l-impjegati minkejja li ħassew l-impatt. “Minkejja dan il- perjodu diffiċli, hemm pjanijiet minn għadd ta’ kumpaniji tal-manifattura biex jespandu u jimmodernizzaw l-impjanti tagħhom, li dan jgħin biex mhux biss jikkonsolidaw il-forza tax- xogħol tagħhom iżda wkoll li jpoġġu lilhom infushom f’pożizzjoni sabiex iżidu l-impjieg fix- xhur li ġejjin. Il-manifattura hija settur ewlieni li jikkontribwixxi bil-kbir għall-viżjoni tagħna għal żvilupp ekonomiku sostenibbli. Bħala Malta Enterprise, aħna nestendu l-appoġġ tagħna bil-modi kollha possibbli”, qal is-Sur Farrugia. 

Sport