Thursday, October 10, 2024

Is-siti ta’ Fondazzjoni Wirt Artna rikonoxxuti bl-ogħla premju minn TripAdvisor

Aqra wkoll

Il-Ministru għat-Turiżmu u l-Protezzjoni tal-Konsumatur Julia Farrugia Portelli żaret il-mużew Malta fil-Gwerra fil-Birgu, wieħed minn erba’ siti storiċi amministrati minn Fondazzjoni Wirt Artna, li fl-aħħar jiem ġew rikonoxxuti bit-Travellers’ Choice Certificate minn TripAdvisor, l-ikbar pjattaforma għall-ivjaġġar fid-dinja.

Dan il-premju jingħata abbażi tar-reviews li turisti jagħtu lill-attrazzjonijiet li jkunu żaru waqt il-btala tagħhom. Minbarra l-Mużew Malta fil-Gwerra, ġew rikonoxxuti b’dan il-premju wkoll Forti Rinella fil-Kalkara, is-Saluting Battery fil-Belt u Lascaris War Rooms taħt l-istess batterija.

Fl-aħħar xhur u snin il-Ministeru għat-Turiżmu, permezz tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu, investa bis-sħiħ sabiex is-siti amministrati mill-Fondazzjoni jkomplu jtejbu l-esperjenza li joffru lit-turisti li jżuruhom.

Il-Ministru Farrugia Portelli setgħet tara l-kollezzjoni ta’ oġġetti u l-artifatti li kkaratterizzaw is-snin ta’ Malta fl-aħħar gwerra dinjija, bejn l-1940 u l-1943. Hemm ukoll għexieren ta’ notamenti, avviżi kif ukoll siltiet minn gazzetti tal-epoka li jagħtu dawl fuq kif il-Maltin kienu jgħixu f’dak iż-żmien.

Il-ministru esprimiet is-sodisfazzjon tagħha u tal-gvern għal dan l-ogħla rikonoxximent li rċeviet il-Fondazzjoni.

“Dan ifisser li l-investimenti li qed jagħmel il-gvern f’dawn is-siti permezz tal-Ministeru għat-Turiżmu u l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu qed iħallu l-frott mixtieq. Ħdimna u qed inkomplu naħdmu bis-sħiħ biex intejbu l-prodott turistiku biex l-esperjenza tat-turist f’pajjiżna tkun waħda pożittiva,” qalet il-Ministru Julia Farrugia Portelli.

Iċ-Chairman u l-Kap Eżekuttiv ta’ Fondazzjoni Wirt Artna Mario Farrugia qal li jinsab kburi b’dan it-tragward milħuq u sostna li huwa rikonoxximent tal-isforzi kontinwi biex l-istorja u l-patrimonju Malti jkunu esebiti fl-aqwa mod possibbli lill-viżitaturi f’pajjiżna.

“Il-Fondazzjoni Wirt Artna ilha tikseb rikonoxximenti mis-sit TripAdvisor fuq livelli diversi għal dan l-aħħar sitt snin, iżda din hija l-ewwel darba li ksibna dan ir-rikonoxximent prestiġġjuż u huwa xhieda li dak li qed nagħmlu hawnhekk anka permezz tal-għajnuniet li nirċievu huwa fid-direzzjoni t-tajba”.

Sport