Raymond Aquilina għandu 72 sena ser jidħol f’maratona straordinarja ta’ mixi hekk kif se jkun qed jimxi mill-Katidral ta’ Canterbury, ir-Renju Unit, sa Pjazza San Pietru f’Ruma biex jiġbor fondi għal Caritas Malta.
Via Francigena hija waħda mill-aktar rotot tal-pellegrinaġġ importanti tal-Medjuevu, li storikament torbot l-Ewropa tal-Punent mar-Ruma, flimkien mad-destinazzjonijiet famużi ta’ Ġerusalemm u Santiago de Compostela.
Raymond Aquilina, li skopra passjoni tul ħajtu għall-mixi fit-tul meta kien żagħżugħ waqt li kien qed jaħdem biex jikseb il-Premju Duke of Edinburgh fl-1976 huwa sinonimu għall-mixjiet twal.
Minn meta temm l-ewwel Camino de Santiago tiegħu minn Lisbona sa Santiago de Compostela fl-2015 – mixja ta’ kważi 640 kilometru fi 26 jum – huwa temm 13-il rotta tal-Camino, fosthom waħda rekord ta’ 1,150 kilometru minn Valencia fl-2023 biex jiċċelebra għeluq is-70 sena tiegħu. Dik il-mixja waħedha ġabet €3,750 għal Caritas Malta.
Kif għedna Raymond Aquilina ser ikun qed jiġbor fondi għal Caritas. Is-sena l-oħra, il-missier ta’ tnejn u nannu ta’ tnejn oħra, ippjana li jimxi t-traġitt storiku ta’ Via Francigena minn Canterbury sa Ruma, bl-għan li għal darb’oħra jiġbor fondi għal Caritas. Madankollu, il-mixja ġiet posposta wara li ġie djanjostikat bil-kanċer u kellu jibda trattament.
Issa, fl-2025, Aquilina huwa determinat li jtemm dan il-vjaġġ.
Il-vjaġġ ta’ Aquilina se jkopri madwar 2,300 kilometru u se jinqasam fi żewġ fażijiet: mill-Katidral ta’ Canterbury sa Aosta, jibda fit-17 ta’ Mejju u jintemm fit-23 ta’ Ġunju.
It-tieni fażi se ssir minn Aosta sa Pjazza San Pietru f’Ruma, ippjanata għall-aħħar ġimgħa ta’ Settembru u jkompli sejjer ta’ Ottubru, fuq perjodu ieħor ta’ 35 jum.
Dawk li jixtiequ jappoġġjaw il-kawża tiegħu jistgħu jagħtu donazzjoni direttament lil Raymond Aquilina permezz ta’ Revolut jew fuq in-numru tal-mobile ta’ BOV: 99876542.
Sadanittant dan il-ġurnal ikkuntattja lil Aquilina nnifsu fejn tana aktar informazzjoni. Hu qalilna li mdorri sew jagħmel dawn it-tip ta’ mixjiet.
“Fħajti għamilt tipi differenti ta’ mixjiet b’distanzi twal ħafna fejn kelli esperjenzi f’Korsika, Abruzzo u Spanja. Anke f’Malta ma noqgħodx lura milli nagħmel mixjiet twal għax verament hu l-passatemp tiegħi.”
Aquilina qalilna li meta għaxar snin ilu rtira mix-xogħol u għalhekk mar għall-pensjoni, ried akkost ta’ kollox li ma jaħlix ħin jew inkella jintelaq.
“Jien mhux dak it-tip ta’ bniedem li noqgħod naħli l-ħin jew inkella mmur nimxi madwar il-blokk tad-dar tiegħi. Inħobb inżomm ruħi attiv u ċertament li din il-mixja hi waħda li qed nipprepara ferm għaliha. Hawn Malta jien nimxi tliet darbiet fil-ġimgħa u nipprova ma nitlifx sessjoni waħda.”
U hawn toħroġ il-mistoqsija spontanja. Kif jipprepara ruħu fiżikament iżda anke mentalment għal dawn il-mixjiet.
“L-ewwel ħaġa jien inħobb nagħmel ħafna riċerka fejn nidħol f’diversi siti biex nara dak li hemm u m’hemmx. Qiegħed ukoll f’forum online fejn diversi membri jitkellmu u jaqsmu l-ħsibijiet tagħhom. Barra minn hekk jien xtrajt ħafna kotba biex ninforma ruħi fejn ġeneralment inħobb noqgħod naqra fuq l-ajruplan jew fejn ikolli xi vjaġġ twil. Imbagħad meta mmur hemm ma nsibha xejn diffiċli biex nambjenta ruħi.”
Hu kompla tana aktar informazzjoni dwar din il-mixja li se jagħmel. Hu qal li hemm madwar 2900 kilometru u fihom se jkun qed jaqsam Franza, l-Iżvizzera u l-Italja sa ma jasal fil-belt kapitali Ruma. Hu se jkun qed jaqsamha f’żewġ partijiet fejn se jimxi minn Canterbury sa Aosta fejn hemmhekk hemm mixja ta’ 1200 kilometru. B’kollox għandu 39 ġurnata fejn jirritorna Malta fis-26 ta’ Ġunju. Hu jgħid li għażel dan iż-żmien għax iktar tard se tkun qed tidħol ħafna sħana.
“Apparti li rrid nimxi distanzi twal, irrid nara fejn se nkun qed norqod minn ġurnata għal oħra speċjalment matul il-lejl fejn jien nieħu l-mistrieħ tiegħi. Imbagħad inkompli u nibqa’ għaddej sakemm nasal fid-destinazzjoni li rrid.”
Raymond Aquilina jgħid li l-mixi jara fih sens li bl-Ingliż jissejjaħ endurance iġifieri kemm tkun kapaċi tagħmel aktar sforz sabiex tilħaq dejjem tilħaq l-objettivi tiegħek. Ovvjament dan kollu jinvolvi sforz fiżiku u xi kultant ukoll mentali. Hu jgħid li l-moħħ hu kollox sabiex tagħmel kuraġġ u dejjem tirsisti għal iktar miri. Id-determinazzjoni tgħinu sabiex jilħaq dawn l-objettivi.
Iżda x’inhu s-sigriet li bniedem ta’ kważi 72 sena jagħmel dawn it-tip ta’ mixjiet fit-tul?
“Is-sigriet hu li tibqa’ għaddej, ma tiqafx u tipprova tilħaq aktar miri. Semmejtlek aktar qabel li jien mhux bniedem passiv, inħobb ħafna l-avventura u fuq kollox l-attivita’ fiżika. Għadni nattendi l-gym fejn immur b’mod regolari u ngħidlek il-verita’ ma nixtieqx nieqaf, dejjem jekk Alla jrid.”
Aquilina ssieħeb ukoll ma’ gruppi tal-mixi u filwaqt li qed jissoċjalizza u jsir jaf ħbieb ġodda, qed ikompli jkun fiżikament attiv.
Finalment tlabna lil Raymond Aquilina sabiex jgħaddi messaġġ lil dawk il-persuni tal-eta’ tiegħu sabiex ma jintelqux.
“Nibda biex ngħid li l-ħajja hi verament sabiħa u mhux tajjeb li tinħela iżda li tgħixha bl-aħjar mod possibbli. Kull bniedem għandu x’joffri anke nies tal-eta’ tiegħi b’mod partikolari għax għandu l-esperjenza neċessarja. Jien inħeġġiġhom biex jibdew bil-mod il-mixi sabiex jibqgħu għaddejjin u ma jiqfux.