Saturday, November 23, 2024

Il-ħames konfronti preċedenti bejn Malta u l-Ingilterra

Aqra wkoll

Illum Malta u l-Ingilterra se jilagħbu s-sitt logħba internazzjonali bejniethom fi spazju relattivament imbiegħed ta’ 52 sena bl-Ingliżi jirbħu l-ħames logħbiet preċedenti bl-iktar waħda li tibqa’ memorabbli għalina l-Maltin tkun l-ewwel waħda li seħħet fit-3 ta’ Frar, 1971.

Minħabba li l-logħbiet kienu mbegħdin minn xulxin, fl-1971 il-coaches tagħna għażlu 15-il player differenti … fl-2000 Josip Ilic uża 22 player filwaqt li Pietro Ghedin għażel 18 biex it-total tela’ għal 55 fil-ħames logħbiet li saru. 

Dawn li ġejjin huma ħarsa fuq fuq dwar il-konfronti tal-passat li l-ewwel tnejn kienu mill-preli­minari tal-Kampjonat Ewropew 1972 u l-aħħar    tnejn mill-preliminari tal-Tazza tad-Dinja 2018.

3 TA’ FRAR, 1971 (Kampjonat Ewropew 1972)

*L-ewwel konfront kien wieħed mistenni ħafna mid-dilettanti Maltin minħabba l-fatt li kienet l-ewwel darba li l-Ingilterra kienu se jilagħbu f’pajjiżna speċjalment wara li ħames snin qabel kienu rebħu t-Tazza tad-Dinja għall-ewwel darba.

Il-logħba bdiet fit-3.00 pm iżda l-Gzira Stadium kien kważi eżawrit sa nofsinhar tant li anke fuq it-tined kien hemm in-nies waqt li l-bjut u l-gallerijiet tal-madwar kienu ppakkjati wkoll.

Dak iż-żmien kellna players ta’ kalibru li sfortunatament kienu jilagħbu fuq art iebsa miksija bir-ramel għax meta ssemmi lil Freddie Mizzi, Joe Grima, Alfred Mallia, Anton Camilleri, Leli Micallef, Edward Darmanin, Ronnie Cocks, Willie Vassallo, Joe Cini, li kien il-captain flimkien ma’ Alan Mullery għall-Ingliżi, Eddie Theobald u Louis Arpa, ma nafx fejn tista’ tasal iżjed.

L-Ingilterra, li tmien xhur qabel kienu waslu sal-kwarti-finali tat-Tazza tad-Dinja tal-1970, għamlu użu minn sitt players li ħadu sehem fil-Messiku li huma Gordon Banks, Mullery, Emlyn Hughes, Norman Hunter, Alan Ball u Martin Peters li tlieta minnhom anke rebħu t-Tazza tad-Dinja fl-1966.

Il-logħba ntemmet 1-0 b’goal ta’ Martin Peters fil-35 minuta li ma l-ebda ċans lil Mizzi jsalva x-xutt imkaxkar fir-rokna tal-lemin. Iżda kwarta mit-    tmiem ma nafx x’kien jiġri li kieku Cini ma falliex il-mira għal ftit b’xutt simili fl-istess naħa.

U minkejja li ħriġna telliefa l-pubbliku deher sodisfatt li żamm team ta’ kalibru milli jikseb xi goleada waqt li l-players offrew logħba qalbiena.

Ir-referee kien Ferdinand Marschall tal-Awstrija, u l-coaches Carm Borg (Malta) u Alf Ramsey (Ingilterra). L-attendenza kienet ta’ 29,751 spettatur.

12 TA’ MEJJU, 1971 (Kampjonat Ewropew 1972)

*Jekk l-ewwel logħba kienet waħda memorabbli din kienet il-kuntrarju tagħha bl-Ingilterra joħorġu rebbieħa 5-0 waqt li l-goalkeeper Banks kellu logħba kwieta meta lanqas ġie indirizzat xutt lejh bil-ballun imissu meta jirċievi pass mingħand sħabu.

Għal din il-logħba f’Wembley Stadium kienu attendew numru sabiħ ta’ Maltin iżda ftit li xejn kellhom għalxiex jentużmażmaw ruħhom. Ta’ min jgħid li fuq il-bankina kien hemm Tony Formosa li ħa post Carm Borg li kien ġie sospiż mill-UEFA għal xi ħaġa li kkommetta ħaddieħor fil-logħba preċedenti kontra l-Isvizzera.

Il-goals tal-Ingilterra ġew minn Martin Chivers (30, 47), Francis Lee (42), Allan Clarke (46 pen) u Chris Lawler (74). 

Hawnhekk il-captains kienu Ronnie Cocks u Bobby Moore.

Ir-referee kien Einar Roed (Norveġja), u l-coaches Tony Formosa (Malta) u Alf Ramsey (Ingilterra). L-attendenza kienet ta’ 41,534 spettatur.

3 TA’ ĠUNJU, 2000 (Partita ta’ Ħbiberija)

*Kellhom jgħaddu 29 sena biex naraw it-tielet logħba li saret biex jiġi ċċelebrat il-100 sena mindu twaqqfet l-MFA. Fiha l-Maltin għamlu 11-il bidla u l-Ingliżi sitta fejn fost l-oħrajn daħal jilgħab il-coach kurrenti, Gareth Southgate.

L-ewwel ma sab ix-xibka kien Martin Keown (23) iżda ftit wara Malta ngħataw penalty li minnu David Carabott kellu x-xutt mill-11-il metru salvat minn Richard Wright (27) iżda l-ballun ħabat ma’ dahru u spiċċa fix-xibka.

Il-goal tar-rebħa Ingliża wasal minn Emile Hes­key (75) u b’hekk inqasna bi kwarta milli nispiċċaw f’paritá.

Il-captains kienu Carmel Busuttil li kien qed jilgħab il-105 logħba għal Malta, u Alan Shearer.

Ir-referee kien Stefano Braschi (Italja), u l-coaches Josip Ilic (Malta) u Kevin Keegan (Ingilterra). L-attendenza kienet ta’ 10,661 spettatur.

8 TA’ OTTUBRU, 2016 (Tazza tad-Dinja 2018)

*Mill-aħħar logħba għal din għaddew 16-il sena fejn s’intendi l-ebda player ma kien fadal minn dik tas-sena 2000. Hawnhekk l-Ingliżi rrekordjaw ir-raba’ rebħa tagħhom meta ħarġu rebbieħa 2-0 f’Ta’ Qali.

Iż-żewġ goals waslu qabel il-mistrieħ minn Da­niel Sturridge (29) u Dele Ali (38).

F’din il-logħba l-attendenza kienet rekord għat-team Malti meta kważi 82,000 spettaur kienu preżenti f’Wembley Stadium.

Ir-referee kien Stefan Johannesson (Svezja), u l-coaches Pietro Ghedin (Malta) u Gareth Southgate (Ingilterra). L-attendenza kienet ta’ 81,781 spettatur.

1 TA’ SETTEMBRU, 2017 (Tazza tad-Dinja 2018)

*Il-ħames u l-aħħar logħba s’issa fl-istorja ntemmet b’togħma ħażina għall-Maltin meta sofrew telfa kbira ta’ 4-0 f’logħba meta kien qed jidher li se jiġi ripetut ir-riżultat tal-1971.

Iżda mhux hekk kien il-każ għax wara li Harry Kane (53) fetaħ l-iskor, l-Ingliżi sabu x-xibka tliet darbiet oħra fl-aħħar erba’ minuti permezz ta’ Ryan Bertrand (86), Danny Wellbeck (91) u għal darb’oħra Kane (92) ukoll.

Iż-żewġ captains kienu Andre Schembru u Jordan Henderson.

Ir-referee kien Artur Dias (Portugall), u l-coaches Pietro Ghedin (Malta) u Gareth Southgate (Ingilterra). L-attendenza kienet ta’ 16,994 spettatur.

Sport