Sunday, December 22, 2024

IL-ĦARSIEN TAL-KLIMA

Aqra wkoll

Biex l-għanijiet li qed jissemmew dwar il-ħarsien tal-klima jintlaħqu jridu jsiru talanqas tliet affarijiet: setturi ewlenin tal-ħidma ekonomika (u anke soċjali) jridu jiġu żmantellati; setturi ġodda jridu jinfetħu minflokhom (u l-infrastruttura għalihom trid tinbena… bħal fil-każ tal-karozzi elettriċi, b’ċentri ġodda fejn jiġu ċċarġjati); u ċ-ċittadini in ġenerali jridu jaċċettaw li jġorru piżijiet u spejjeż ġodda.

Diffiċli kemm huma diffiċli l-ewwel żewġ oġġettivi, it-tielet wieħed hu l-aktar wieħed li joħloq diffikultajiet. Wieħed jinduna dwar hekk anke mill-fatt li hu l-anqas wieħed li jissemma.

Tifhem li l-iskuntentizza li jqajjem se tkun aqwa – talanqas għall-bidu – mill-iskuntentizza u l-biża li jġibu magħhom l-effetti tal-klima li qed tisħon wisq. F’demokraziji, dan iwassal biex jintilfu l-elezzjonijiet. F’sistemi bi tmexxija awtoritarja, malajr jagħti rankatura lill-oppożizzjoni mrażżna.

Biss kif jista’ jkun li biljuni ta’ nies jaġġustaw ħajjithom radikalment fiż-żmien qasir li qed jingħata, bla ma jitilfu xejn mill-prosperità li draw fiha?

IL-MALTIN TAL-AWSTRALJA

Inkitbu numru ta’ kotba tajba dwar partijiet mill-istorja u dwar aspetti mill-ħajja tal-Maltin fl-Awstralja. Li għad m’għandniex u li neħtieġu madankollu, hi storja sħiħa ta’ dil-komunità, minn kif bdiet u nfirxet, għal kif baqgħet tikber, għal kif qed tinħall fil-wisgħat tar-realtà Awstraljana.

Mhux biss storja bħal din tkun tal-akbar interess għal ħafna familji f’Malta u fl-Awstralja, imma tista’ tikkontribwixxi għal għarfien aħjar tal-wirt Malti. Min-naħa tagħna hawnhekk, l-impenn lejn l-istudji Awstraljani ma narax li kien sostnut biżżejjed.  Forsi għax il-protagonisti fl-istorja tal-Maltin fl-Awstralja kienu fil-biċċa l-kbira tagħhom ġejjin mill-klassi tal-ħaddiema?

TAJWAN

L-aħħar żviluppi fir-rigward ta’ Tajwan mhumiex ikunu sbieħ. Uħud qed ibassru gwerra fil-viċin, bis-soliti kwartieri jwaħħlu t-tort kollu fuq iċ-Ċina.

Din fil-verità fi żminijiet riċenti dehret inkwetata sew dwar Tajwan. Min-naħa, qieset li l-gvern preżenti ta’ dik il-gżira qed jagħfas wisq fuq li Tajwan hu separat miċ-Ċina u se jibqa hekk. Fl-istess ħin, għadd ta’ pajjiżi, uħud mill-Ewropa, donnhom qed jagħtu rikonoxximent diplomatiku aqwa lir-rappreżentanti ta’ Tajwan – ħaġa li ċ-Ċiniżi jqisu bħala attakk fuq l-aqwa valuri tagħhom, marbuta kif inhuma mal-kunċett li Taiwan għadu u jibqa’, kif dejjem kien, parti integrali tal-patrija Ċiniża. 

Min-naħa l-oħra, iċ-Ċiniżi nfushom għamlu stqarrijiet infjammati kontra Taiwan, taw x’jifhem li qed ilestu li jirbħuha lura bil-forza u wettqu ħafna eżerċizzji militari li komplew isaħħnu l-qigħa.

L-agħar fil-biċċa hu li tħabblet mar-rivalità dejjem tikber bejn l-Istati Uniti u ċ-Ċina. Imma mhu fl-interess ta’ ħadd li l-konfronti dwar Taiwan jeskalaw b’mod li jżidu mar-riskji ta’ gwerra. 

Ekonomija

Sport