Lorenzo Forneris, Head Coach tan-netwerk globali ta’ Akkademja ta’ Juventus u personalità internazzjonali prominenti fl-iżvilupp taż-żgħażagħ, u Alessandro Cecilia, psikologu tat-timijiet ta’ taħt il-15 u s-17-il sena ta’ Juventus se jkunu f’Malta biex imexxu u jindirizzaw konferenza dwar l-iżvilupp tal-plejers minn perspettiva psikoloġika u ta’ nutrizzjoni.
Il-konferenza, organizzata minn Juventus Academy Malta, li se ssir nhar is-Sibt 10 ta’ Mejju, se tesplora l-aspetti ewlenin tal-iżvilupp tal-futbolers żgħażagħ, b’sessjonijiet dwar taħriġ psikoloġiku, nutrizzjoni u l-metodoloġija olistika ta’ Juventus li għal ġenerazzjonijiet sħaħ iffurmat talenti mill-aqwa.
Is-Sur Foneris u s-Sur Cecilia se jaqmsu l-għarfien tagħhom dwar kif l-atleti jistgħu jissawru bis-sħiħ, fil-grawnd u lil hinn. L-avveniment se jkun indirizzat ukoll minn Dorianne Caruana Bonnici, Senior lecturer fl-MCAST u speċjalista fin-nutrizzjoni sportiva. Hija se tindirizza l-impatt tan-nutrizzjoni fuq il-prestazzjoni, l-irkupru, il-prevenzjoni ta’ injuries u t-tul tal-karriera.
Iż-żewġ personalitajiet ta’ Juventus se jkunu wkoll preżenti f’festival tal-futbol inter-league, organizzat ukoll minn Juventus Academy Malta li se jagħti lill-plejers żgħażagħ, kowċis u ġenituri aċċess dirett għall-filosofija ta’ taħriġ ta’ Juventus. Huma se jqassmu wkoll trofej u midalji għal din l-okkażjoni.
Francesca Mamo, f’isem Juventus Academy Malta qalet: “Juventus Academy temmen fl-importanza tal-iżvilupp tal-plejers mhux biss b’mod tekniku iżda bħala individwi u atleti sħaħ. Din iż-żjara f’Malta hi opportunità biex naqsmu l-viżjoni tagħna għar-reżiljenza psikoloġika, in-nutrizzjoni u kif wieħed jikber fil-ħajja personali tiegħu jew tagħha – kollha elementi importanti fi plejers kunfidenti. Aħna kburin li nwasslu din il-filosofija fil-komunità tal-futbol lokali u li nappoġġjaw il-futur tal-logħba hawnhekk”.