Il-helipad il-ġdid fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex qed inaqqas b’madwar 10 minuti l-ħin meħtieġ għat-trasferiment ta’ pazjenti lejn l-Isptar Mater Dei f’każi ta’ emerġenza, b’aċċess eħfef u aktar malajr għall-kura speċjalizzata li jkollhom bżonn.
Nhar l-Erbgħa, id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa, Ian Borg u l-Ministru għal Għawdex, Clint Camilleri, inawguraw dan il-proġett ta’ €800,000 li twettaq mill-Fondazzjoni għas-Servizzi Mediċi flimkien mal-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex.
Il-helipad il-ġdid, li jinsab fl-isptar stess, jippermetti li l-pazjenti jiġu ttrasferiti direttament mill-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex lejn l-Isptar Mater Dei bil-helicopter, mingħajr ma jkollhom l-ewwel jivvjaġġaw 10 minuti bl-ambulanza lejn il-Heliport tax-Xewkija li qabel kien jintuża għal dawn it-trasferimenti.

Dan l-iżvilupp huwa essenzjali għall-pazjenti f’Għawdex li jkollhom bżonn kura speċjalizzata urġenti f’Mater Dei, l-isptar ewlieni għall-kura akuta fil-pajjiż. Dawn il-każijiet jinkludu emerġenzi kardjoloġi, fosthom attakki tal-qalb, puplesiji, ġrieħi serji u kundizzjonijiet oħra li jipperikolaw il-ħajja.
Id-Deputat Prim Ministru Ian Borg sostna li l-helipad il-ġdid ikompli jsaħħaħ l-impenn tal-Gvern li jiżgura li l-poplu f’Malta u Għawdex ikollu aċċess f’waqtu u b’mod sigur għall-kura medika, ikun fejn ikun.
“Matul l-2025, 130 pazjent kellhom bżonn jiġu trasferiti b’emerġenza permezz tal-helicopter minn Għawdex lejn l-Isptar Mater Dei. Minn meta bdiet tintuża ftit ġimgħat ilu, il-helipad il-ġdid diġà ntuża għat-trasferiment ta’ tliet pazjenti. Il-ħin li qed niffrankaw f’dawn it-trasferimenti juri kif l-infrastruttura tas-saħħa, flimkien mal-impenn u l-kollaborazzjoni tat-timijiet dedikati tagħna fiż-żewġ sptarijiet, jistgħu jagħmlu differenza tanġibbli fil-kura li noffru lill-pazjenti. Dawn il-minuti prezzjużi jistgħu jsalvaw il-ħajjiet,” stqarr Dr Borg.
Il-Ministru Clint Camilleri stqarr li dan il-helipad ġdid fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex huwa pass importanti biex ikomplu jitjiebu s-servizzi tas-saħħa f’Għawdex u jkun żgurat li pazjenti li jkollhom bżonn kura speċjalizzata urġenti jaslu fl-Isptar Mater Dei fl-iqsar żmien possibbli.
Il-Ministru Camilleri spjega kif “minħabba li issa t-trasferimenti jistgħu jsiru direttament mill-isptar, qed niffrankaw minuti prezzjużi li f’każi ta’ emerġenza jistgħu jagħmlu differenza kbira u saħansitra jsalvaw il-ħajjiet. Dan l-investiment huwa parti mill-ħidma kontinwa tagħna biex insaħħu l-infrastruttura tas-saħħa f’Għawdex u nkomplu niżviluppaw l-Isptar Ġenerali bħala ċentru li joffri servizzi aktar aċċessibbli, effiċjenti u ta’ kwalità, għall-benefiċċju tal-pazjenti Għawdxin u l-familji tagħhom.”
Il-Fondazzjoni għas-Servizzi Mediċi nediet dan il-proġett aktar kmieni din is-sena, hekk kif ikkordinat il-kostruzzjoni u x-xogħlijiet marbuta mal-inġinerija ċivili, kif ukoll dik mekkanika u elettrika. Fost tagħmir ieħor ta’ sigurezza, il-helipad għandha sistema ta’ dwal li timmarka u ddawwal iż-żona tal-inżul u t-tlugħ tal-helicopters, biex tiffaċilita l-operat anke matul il-lejl.
F’dawn l-aħħar ġimgħat, il-Fondazzjoni u l-Isptar Ġenerali t’Għawdex temmew il-proċessi meħtieġa ta’ ttestjar u ċertifikazzjoni, bl-appoġġ ta’ Gulfmed Aviation Services, il-kuntrattur tas-servizz tal-ambulanza tal-ajru. Saru wkoll eżerċizzji ta’ taħriġ prattiku dwar it-trasferiment tal-pazjenti bl-ajru għat-timijiet tal-emerġenza, il-pumpiera u ħaddiema oħra tal-istess sptar.
F’Diċembru 2024, il-Fondazzjoni għas-Servizzi Mediċi wettqet proġett simili biex ittejjeb u tiftaħ mill-ġdid il-helipad tal-Isptar Mater Dei, li kien ilu snin ma jintuża minħabba diffikultajiet tekniċi. Flimkien, dawn iż-żewġ proġetti qed inaqqsu 25 minuta mill-ħin tat-trasferiment tal-pazjenti f’każi ta’ emerġenza minn Għawdex lejn l-Isptar Mater Dei.
Il-helipad il-ġdid fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex jifforma parti minn programm ta’ investiment biex isaħħaħ is-servizzi tas-saħħa f’Għawdex. Bħalissa, l-Isptar Ġenerali t’Għawdex qed iwettaq u jippjana diversi proġetti, fosthom it-tkabbir tad-Dipartiment tal-Outpatients, l-iżvilupp ta’ Dipartiment tal-Farmaċija ġdid b’sistemi avvanzati għat-tħejjija awtomatizzata ta’ trattamenti onkoloġiċi, it-tkabbir tas-servizzi tal-onkoloġija, it-titjib tal-faċilitajiet dianjostiċi u l-laboratorji, kif ukoll l-immodernizzar tas-swali tal-operazzjonijiet u tal-faċilitajiet għall-kura kritika.
Dawn l-inizjattivi jiffurmaw parti mill-istrateġija usa’ għall-iżvilupp tal-isptar, li fl-aħħar mill-aħħar se twassal għat-trasformazzjoni tal-Isptar Ġenerali t’Għawdex f’kampus modern għall-kura tas-saħħa, li jipprovdi servizzi tas-saħħa aktar komprensivi, aċċessibbli u ta’ kwalità għolja.
