Sunday, March 22, 2026

IL-ĦELSIEN IRRIDU NIBQGĦU KONSISTENTEMENT INĠEDDUH

- il-Prim Ministru Robert Abela f’attività politika f’Birżebbuġa

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

“Il-ħelsien għalina kien ifisser ħelsien li kien imur lil hinn mit-tneħħija tal-bażi militari. Kien ifisser ukoll fosthom il-ħelsien mill-preġudizzji. Però dak il-ħelsien ma jibqax wieħed garantit u għal dejjem. Irridu nibqgħu konsistentement inġedduh.”

Iddikjara dan il-Prim Ministru u Mexxej Laburista Robert Abela meta dalgħodu kien qed jindirizza attività politika f’Birżebbuġa bit-tema “Ħelsien: l-għaqda fil-Maltin u s-sliem”. 

Fid-diskors tiegħu, Dr Abela stqarr li huma jibqgħu l-moviment li dejjem emmnu b’konvinzjoni li għandhom jimbuttaw id-drittijiet u l-jeddijiet ċivili. Min-naħa l-oħra, huwa qal li ħaddieħor lanqas qatt ma tista’ tkun taf fejn qiegħed miegħu għax mhumiex immexxija bil-konvinżjoni imma bil-konvenjenza.

Il-Prim Ministru tenna li: “Għalhekk irridu nibqgħu nkunu l-vuċi progressiva u fuq kollox il-vuċi tas-sewwa. Favur soċjetà li tgħix fil-paċi u l-istabbiltà.” 

Huwa semma kif ilkoll nafu l-atroċitajiet li qed iseħħu fil-Lvant Nofsani, fil-Golf Għarbi, u anke l-effetti li qed ikun f’settur importanti bħal dak tat-turiżmu. “Turisti jħassru l-vjaġġi, sidien ta’ lukandi li qed ittihom rashom barra minn xtutna.”

Għaldaqstant, il-Prim Ministru enfasizza kemm għamlu sew missirijietna li nnegozjaw biex f’Malta ma jkunx hawn id-dipendenza fuq l-ispiża militari barranija. 

“Malta ilha sservi għal diċennji twal bħala pont ta’ paċi bejn il-ġnus”

Dr Abela semma wkoll kif il-ħelsien kien ukoll wieħed biss mill-pilastri ewlenin tal-politika barranija ta’ Gvern Laburista. Qal li sena oħra niċċelebraw l-40 sena minn meta fil-Kostituzzjoni tagħna ddaħħal il-prinċipju tant għażiż għalina tan-newtralità.

“Minn pajjiż li dejjem kellu jindaħal fi gwerer ta’ ħaddieħor, minflok b’dik id-deċiżjoni tant importanti, sirna oasi ta’ stabbiltà u paċi. Dan għax kellna n-newtralità u l-prinċipju tan-non allinjament illi ġie mnaqqax fil-kostituzzjoni tagħna. 

“U bis-saħħa ta’ hekk gawdejna l-paċi aħna, iżda forsi iżjed minn hekk, sirna pajjiż li llum kapaċi nesportaw il-paċi minn pajjiżna. Kemm-il darba ġew fostna potenzi kbar biex jitkellmu hawn f’Malta. Għax jafu li aħna ma neħdux naħat ħlief li naħdmu favur is-sewwa, favur il-paċi. 

“Minn summits ta’ tmiem tal-Gwerra Bierda għal laqgħat aktar riċenti bejn l-Amerika u ċ-Ċina, Malta issa ilha sservi għal diċennji twal bħala pont ta’ paċi bejn il-ġnus,” qal il-Prim Ministru. 

Huwa żied jgħid li n-newtralità ma tfissirx li ma tagħmel xejn jew li tibqa’ ċass quddiem l-atroċitajiet. Minflok, meta inti tieħu newtralità li tkun waħda attiva u mhux passiva, tfisser li tfittex dejjem it-triq tal-kompromess, tad-djalogu u tad-diplomazija. 

“Filwaqt li jkollok min jipprova jċekken il-valur tan-newtralità tant għażiz għalina, fil-verità n-newtralità hi fundamentali għall-progress u l-istabbiltà u s-suċċess ta’ pajjiżna,” qal il-Prim Ministru.

Essenzjali l-paċi reġjonali

Huwa sostna wkoll li pilastru ewlieni ieħor tal-politika barranija li dejjem ħaddnu bħala moviment hu li biex ikollok il-paċi u l-progress trid taħdem biex ir-reġjun kollu kemm hu ta’ madwarek ikollu wkoll il-paċi u l-istabbiltà.

“Nemmnu li huwa kruċjali li jkollok l-istabbiltà fl-Ewropa u dejjem ħadna pożizzonijiet konsistenti anke minn Frar tal-2022. Daqskemm hi meħtieġa l-istabbiltà fil-pajjiżi Għarab. U dejjem imbuttajna politika illi tirrikonoxxi d-dritt ta’ kull ġens li jkollu n-nazzjon tiegħu. Politika li jien tant kburi li stajt inwassalha bir-rikonoxximent formali tal-Palestina bħala stat ftit tax-xhur ilu fi New York,” qal il-Prim Ministru. “Kien mument li verament iddefinixxa x’inhuma l-valuri u l-prinċipji tal-moviment Laburista.”

Dwar il-gwerra fl-Iran u l-Golf Għarbi, li issa daħlet fit-23 jum tagħha, huwa qal li din ikkonfermat kemm hi essenzjali l-paċi reġjonali. 

Huwa nnota wkoll li filwaqt li madwar l-Ewropa bħalissa għandek il-prezz tal-elettriku li tela’ bis-saħħa ’l fuq, f’Malta ninsabu protetti bit-tarka tal-politika ekonomika progressiva ta’ moviment Laburista fil-Gvern. 

Dr Abela qal ukoll li meta l-Ħamis li għadda kien Brussell għas-summit tal-mexxejja Ewropej, kien hemm mexxejja ta’ stati membri tal-UE li bdew jikkunsidraw biex jibdew jagħtu sussidju parzjali fuq l-enerġija. 

“Aħna mmorru hemm u mhux biss nuru x’ilna nagħmlu u x’qed nagħmlu imma eżiġejna biex l-UE tieħu azzjoni f’waqtha biex tingħeleb l-inflazzjoni partikolarment dik marbuta fis-settur tal-enerġija.

“Magħna tafu fejn qegħdin imma magħna tafu fejn sejrin. Jiġri x’jiġri, ikunu x’ikunu ċ-ċirkostanzi internazzjonali, aħna se nibqgħu nagħtu l-għajnuna qawwija fejn jidħol is-settur tal-enerġija – id-dawl, ilma, gass, petrol u dijżil.”

“Għandna kwart ta’ biljun ewro lesti ħalli jiġri x’jiġri barra minn xtutna, inżommu lill-poplu tagħna protett u mħares. Anzi se nkomplu nżidu l-benefiċċji, se nkomplu nnaqqsu t-taxxi. Sakemm jibqa’ Gvern Laburista stennew dejjem aktar, aktar u aktar benefiċċji,” żied jgħid il-Prim Ministru. 

“Għamilna din is-sena l-aqwa budget fl-istorja. €9.3 biljun ta’ investiment fikom. L-aqwa tax cut għall-ġenituri, għalikom il-pensjonanti u jiġri x’jiġri barra dejjem se nibqgħu noffru budget li jkun aqwa minn dak ta’ qablu, li jżid fih l-investiment soċjali.”

“Għandna u se nibqgħu bl-aktar ekonomija dinamika fl-Ewropa”

Dr Abela sostna wkoll li se jiġi żmien fejn jaqsmu l-manifest elettorali ġdid tal-Partit Laburista. Qal li dakinhar “se tifhmu xi jfisser li taħdem għal Malta aqwa. Dakinhar se tifhmu xi tfisser li taħdem għal prosperità ġdida.”

“Kburi li miegħi għandi tim sħiħ ta’ nies li għandhom il-kredibbiltà, l-esperjenza u l-kompetenza fis-settur tagħhom. Li flimkien miegħi għaddew mill-akbar żminijiet ta’ sfida u minnhom ħloqna suċċess u opportunitajiet ġodda. U hekk se nerġgħu nagħmlu din id-darba. 

“Dil-ġimgħa ġibna lura l-Forti Tignè u Manoel Island u tajniehom lura lill-familji Maltin u Għawdxin. Dan stajna nagħmluh għax għandna u se nibqgħu bl-aktar ekonomija dinamika fl-Ewropa. 

“L-għażla hi waħda. Hu biss Gvern Laburista li jwassal għal familja b’saħħitha, garanzija għall-futur. Għall-familji, aħna nagħmlu minn kollox. Għalhekk ejja nibqgħu magħqudin flimkien ħalli nagħmlu l-ġid. Fit-30 ta’ Marzu niltaqgħu lkoll ħdejn l-għolja tal-Ħelsien fil-Birgu. 

“Ejjew ħalli flimkien inġeddu l-ħalfa li għamlu ta’ qabilna 47 sena ilu. Naħdmu flimkien. Flimkien għaliex fl-għaqda hemm is-saħħa, l-għaqda fil-Maltin u s-sliem,” temm jgħid il-Prim Ministru. 

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport