Saturday, December 21, 2024

“Il-ħidma tagħna ma tiqafx mal-kosta t’Għawdex – Irridu nkunu l-vuċi ta’ min m’għandux vuċi”

Ħames snin mit-twaqqif tad-Direttorat tal-FSWS f'Għawdex

Aqra wkoll

Miktub minn Maria Azzopardi – Uffiċjal tal-Marketing tal-Fondazzjoni għal Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali (FSWS)

Id-Direttorat ta’ Għawdex twaqqaf fl-2018 u minnu jiġu offruti 15-il servizz f’koordinazzjoni mas-servizzi essenzjali offruti f’Malta.

Fost l-oħrajn jeżistu servizzi rigward il-vjolenza domestika; xogħol soċjali ġeneriku fi ħdan il-komunità ta’ Marsalforn; servizz għal persuni bla saqaf; servizzi psikoloġiċi; servizz ta’ ħidma soċjali provdut fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex; programmi preventivi; servizz rigward il-fostering u servizz t’aċċess taħt superviżjoni.

F’ħames snin dan id-Direttorat għamel avvanzi kbar. Ta’ min isemmi li matul il-pandemija tal-Covid-19 Għawdex kien strumentali biex jgħin lill-persuni bla saqaf fuq rashom.

Il-ħidma ta’ dan id-Direttorat tassigura li din ma tiqafx mal-kosta Għawdxija u dan grazzi wkoll għall-kontribut ta’ tim ħabbrieki li jaffronta l-isfidi b’responsabbiltà kbira.

Dwar dan, Maria Azzopardi tkellmet mad-Direttur tad-Direttorat tal-FSWS f’Għawdex, Mons Dr Joe Vella Gauci.

Ħames snin wara li twaqqaf dan id-Direttorat, x’titjib sinifikanti sar u x’rilevanza għandu?

L-għan ewlieni kien li s-servizzi ma jieqfux iċ-Ċirkewwa imma jiġu estiżi fid-direzzjoni ta’ Għawdex. Mhux qed nirreferi biss għal xi ħaġa ġeografika imma ħidma li tassew tilħaq lir-residenti t’Għawdex. Il-ħidma tagħna mhix biss immirata għall-Għawdxin imma anke għall-Maltin li għażlu li jgħixu f’Għawdex kif ukoll il-barranin li hawn fostna biex noffru servizz lill-komunità kollha.

Qabel l-2018 it-terren soċjali t’Għawdex kien jiġi mkejjel ma ta’ Malta. Mill-2018 ‘il quddiem, Għawdex beda jiġi mkejjel għalih bħala reġjun u dan poġġiena f’sitwazzjoni vantaġġjata għax seta’ jkollna ritratt reali tas-sitwazzjoni.

Ladarba sar hekk, inħolqot strateġija għal Għawdex u bdejna nidentifikaw x’inhuma l-prijoritajiet u l-miri li rridu nilħqu. Biex dawn jimmaterjalizzaw, kull sena jsir pjan operattiv li jiġi analizzat f’kull kwart tas-sena.

B’sodisfazzjon kbir kull sena rnexxielna nwettqu mad-90% ta’ dan il-pjan. Biex dan isir, irridu nirrikonoxxu l-kontribut ta’ tim sħiħ li tassew jaħdem qatigħ b’motivazzjoni u b’impenn kbir.

F’dawn il-ħames snin irnexxielna noħolqu struttura fi ħdan dan id-Direttorat li ssegwi l-mudell ta’ Malta. Għandek id-Direttur, il-Manager, il-Leader, tliet Koordinaturi u l-bqija tal-ħaddiema li jinkludu fost l-oħrajn ħaddiema soċjali u l-amministrazzjoni li hija l-mutur ta’ dan id-Direttorat. Kull persuna li tifforma parti minn dan it-tim taħdem b’kuxjenza u responsabbiltà kbira.

Minkejja li dan id-Direttorat ilu imwaqqaf biss ftit snin, nazzarda ngħid li għamilna ċertu avvanzi.

Kemm huma mfittxija s-servizzi offruti f’Għawdex?

Fl-2019 kelna total ta’ 947 każ u minn dawn kien hemm 22 każ li jikkonċerna l-vjolenza domestika. Fl-2022 it-total ta’ każijiet kienu 1,419 filwaqt li l-każijiet ta’ vjolenza domestika żdiedu għal 57 każ.

Wara s-snin tal-pandemija tal-Covid-19 kien hemm żieda mhux biss fil-każijiet inġenerali imma anke dawk marbuta mal-vjolenza domestika. Dan jista’ jkun marbut ma’ diversi fatturi fosthom għall-fatt li l-pubbliku qed jingħata aktar għarfien u aktar edukazzjoni biex jitkellem. B’hekk ikunu jistgħu jingħataw l-għajnuna u l-assistenza neċessarja f’waqtha.

Rigward dak li jikkonċerna persuni bla saqaf fuq rashom, fl-2019 kelna 22 każ filwaqt li fl-2022 kelna 63 każ.

Fir-rigward tal-Marsalforn Community Service, meta nfetaħ f’Lulju tal-2019 bdejna b’25 każ filwaqt li fl-2022 il-każijiet telgħu għal 109.

Minkejja li min-naħa tara li sfortunatament l-każijiet żdiedu, mill-banda l-oħra ngħid li fortunatament l-iskop li għalih sar dan id-Direttorat qed jintlaħaq għax konna kapaċi li meta l-figuri żdiedu konna hemm biex nikkumbattu u nagħtu l-għajnuna tagħna.

Għaldaqstant importanti li nkomplu nirreklamaw is-servizzi tagħna biex inkomplu nilħqu aktar nies. Fil-fatt wieħed mill-mezzi li bih naġġornaw lin-nies b’mod regolari huwa permezz tal-midja soċjali.

Il-figuri jitkellmu weħidhom u juruk li l-preżenza tagħna kulma jmur qed isir aktar imfittxija u tikseb valur akbar.

X’bidliet saru tul dawn l-aħħar snin?

Il-ħidma ma tieqaf qatt. Fost l-oħrajn bdejna l-programm ta’ outreach fil-lokalità ta’ Marsalforn.

Iddeċiedejna internament, u bil-volontà tal-ħaddiema, li tliet darbiet fil-ġimgħa (it-Tnejn, l-Erbgħa u l-Ġimgħa) minflok jaħdmu filgħodu, jaħdmu wara l-ħinijiet tal-uffiċċju. Wara li għamilna madwar sena u nofs b’dan l-eżerċizzju iddeċiedejna li mmorru pass ulterjuri u bdejna nħabbtu l-bibien triq triq u ngħaddulhom invit formali iddettaljat bis-servizzi li noffru.

Il-ħidma soċjali tagħna ma taħdimx f’iżolament imma nikkollaboraw ma’ ħaddiema soċjali oħrajn u mal-Pulizija tal-Komunità. Nixtieq nesprimi wkoll ix-xewqa li l-Kunsill Lokali taż-Zebbuġ juri aktar l-preżenza tiegħu f’Marsalforn.

Nassiguraw li fix-xhur li ġejjin se nkomplu nintensifikaw dan il-programm. Il-mira tad-Direttorat, bħalma hija l-mira tal-amministrazzjoni ċentrali, hija li bħalma għandna f’Marsalforn ikollna wkoll fix-Xlendi.

Iċ-Ċentru ta’ Marsalforn ħa wkoll diversi inizjattivi fir-rigward tar-residenti tal-lokalità. Tajjeb li nsemmu l-fatt li l-popolazzjoni f’Marsalforn m’għadiex magħmulha mir-residenti tar-Rabat, li kien jinżlu f’din il-lokalità bħala villeġġjatura fis-sajf, imma għandek nies li joqgħodu hemm matul is-sena kollha.

F’din il-lokalità organizzajna diversi attivitajiet bl-aħħar waħda kienet meta urejna film, liema inizjattiva kienet organizzata mill-HomeStart Għawdex u għaliha attendew 55 tifel u tifla. Figura inkoraġġanti ferm.

Il-komunità f’Marsalforn kulma jmur qed issir aktar multikulturali u multireliġjuża u għaldaqstant inti trid tkun professjonali fl-istrateġija tiegħek u trid ukoll is-sabar sakemm l-affarijiet jibdew jirnexxu.

Ma ninsewx ukoll li Marsalforn huwa l-antiteżi tal-villaġġi kif huma f’Għawdex fejn f’postijiet oħra għandek il-knisja parrokkjali u l-binjiet tal-istat miġburin fi pjazza waħda, iżda f’Marsalforn m’hemm xejn minn dan. Il-komunità ta’ Marsalforn hija nieqsa mis-siment soċjali u hemm nuqqas ta’ appartenenza u kontabiltà.

Minkejja dan kollu, aħna xorta determinati li nkomplu bil-ħidma tagħna. Kif jgħidu – baħrin tajbin huma dawk tal-maltemp. Wara ħames snin, bl-ikbar umiltà nistqar li l-ħidma tagħna f’din il-lokalità għamlet id-differenza.

Skont l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika, bejn l-2011 u l-2021 il-popolazzjoni ta’ Għawdex żdiedet b’7,912 individwu, b’6,305 minnhom mhumiex Maltin. Din iż-żieda fil-popolazzjoni, irriflettiet ukoll fuq id-domanda għas-Servizzi tal-FSWS offruti f’Għawdex?

Bla dubju. Jista’ jkun anke minħabba l-fatt li fil-bidu ma tantx kien hemm daqstant nies li kienu jafu bina. Ma ninsewx li qabel id-Direttorat tal-FSWS f’Għawdex kien hawn is-servizz LEAP u għan-nies din il-bidla setgħet ma kinetx ċara. Il-bidu dejjem diffiċli partikolarment meta għandek soċjetà li fil-karattru tagħha hija ferm introverta.

Kif semmejna, fis-soċjetà Għawdxija llum il-ġurnata hemm il-Maltin u l-barranin. Fil-fatt 15% tas-service users li jużaw is-servizzi f’Malta huma barranin, u fil-każ t’Għawdex il-persentaġġ huwa ta’ 25%.

Ovjament iż-żieda fil-popolazzjoni barranija f’Għawdex toħloq ċertu sfidi fosthom id-differenza fil-lingwa, fil-kultura u fil-mentalità. Iżda s-servizzi tagħna ma jiddiskriminawx bejn nazzjonalità u oħra imma qegħdin hemm għal kulħadd. Għaldaqstant biex inkomplu nagħtu servizz kif jixraq, nemmnu fit-taħriġ kontinwu tal-ħaddiema.

Fuq nota oħra, dan id-Direttorat dejjem qam għall-okkażjoni u sa mill-bidu tal-operat tiegħu ma ħarisx biss lejn il-ħtiġijiet tar-residenti Għawdxin imma f’mumenti partikolari tajna sehemna anke fuq livell nazzjonali.

Matul il-pandemija tal-Covid-19 il-homes f’Malta ngħalqu. B’kollaborazzjoni mal-Ministeru tal-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-tfal, ħloqna operat bil-protokolli tas-saħħa kollha fejn dawk il-persuni li spiċċaw mingħajr saqaf fuq rashom kien jinġiebu f’Għawdex, isirilhom swab test u sakemm joħroġ ir-riżultat jitqiegħdu f’kamra tal-iżolament. Ladarba joħroġ ir-riżultat u jkun negattiv konna nagħtuhom kamra għalihom. Wara l-15-il ġurnata ta’ kwarantina, konna nerġgħu nagħmlulhom swab test u x’ħin joħroġ negattiv konna nagħtuhom placement. B’hekk konna proattivi biżżejjed u solvejna l-problema li ħafna nies jispiċċaw fit-toroq.

Semmejt il-persuni bla saqaf fuq rashom. Tista’ telabora aktar dwar dan?

Il-homelessness huwa fenomenu ġdid. Ħsibna li wara l-Covid, din il-problema se tispiċċa imma għal xi raġuni jew oħra, u għalhekk fenomenu, dan żdied. Illum il-ġurnata apparti Dar Emmaus għandna wkoll Dar Trijonfi li hija inizjattiva bejn l-FSWS u l-Knisja f’Għawdex.

Qegħdin ninnutaw li persentaġġ minn dawk il-persuni li huma bla saqaf fuq rashom għandhom aktar minn 60 sena. Meta għandek persuna li għadha taħt is-60 sena jkun aktar faċli biex tintegraha fis-suq tax-xogħol imma meta jkollha età aktar avvanzata ma tkunx daqshekk faċli. Il-mira tagħna hija li meta persuna tkun għadha tista’ taħdem, isirilha pjan ta’ kura u nintegrawha fid-dinja tax-xogħol għaliex nemmnu li x-xogħol jagħti dinjità u awtonomija.

B’sodisfazzjon ngħid li sa kemm naf jien m’hawn ħadd li jgħaddi lejl barra fit-triq f’Għawdex.

Jeżistu xi servizzi oħra li qed jiġu offruti mid-Direttorat tal-FSWS f’Għawdex?

Noffru s-servizz tal-Emergency On-Call fejn dak li jkun jista’ jċempel wara l-ħin tal-uffiċċju. Dan is-servizz jaħdem mal-179, mal-Pulizija u mal-Isptar t’Għawdex u għandek żewġ ħaddiema soċjali li joperaw wara l-ħin tax-xogħol inkluż is-Sibt u l-Ħadd u festi pubbliċi biex jassiguraw li s-servizz ikun kontinwu u effiċjenti.

Jeżistu wkoll servizzi li jinsabu fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex. Matul is-sena 2022, it-total ta’ każijiet fir-rigward tal-ħidma soċjali li kelna hemmhekk kien ta’ 589 każ filwaqt fir-rigward tal-Psychiatric Unit Social Work Service fi ħdan l-Isptar Ġenerali t’Għawdex assistejna għal 146 każ.

Servizz ieħor li noffru u li jingħata mill-Isptar Ġenerali t’Għawdex huwa dak tad-Detox. Il-ħsieb tagħna huwa li xi darba jkun servizz awtonomu fejn intejbu s-servizz b’tali mod li l-klijent ma jmurx sempliċement biex jieħu l-methadone imma jingħata assistenza soċjali. Nittama li fix-xhur li ġejjin nimpenjaw aktar ruħna biex din il-ħaġa timmaterjalizza.

Inizjattiva li ċertament ittikom sodisfazzjon kbir hija dik li tikkonċerna l-Kooperattiva Soċjali. X’sar f’dan ir-rigward?

Iva, din hija inizjattiva oħra fejn segwejna l-mudell ta’ Mondragón fi Spanja u kien hemm żewġ okkażjonijiet fejn sifirna biex nitgħallmu aktar.

Minn dak iż-żmien ħadna l-inizjattiva, fil-kuntest diffiċli tal-Covid, fejn waqqafna l-ewwel Koperattiva Soċjali. Din bdiet bi skema ta’ taħriġ u llum il-ġurnata hija Kooperattiva Soċjali fi ħdan il-Federazzjoni tal-Kooperattivi Maltin. Dan ifisser li għandha l-qafas legali fl-intier tiegħu u hija responsabbli għaż-żamma taż-żona Industrijali tax-Xewkija kif ukoll tad-Dbiegi Crafts Centre. Il-manteniment, l-indafa u ż-żamma tal-post hija kollha responsabiltà ta’ dawn l-għaxar ħaddiema li jiffurmaw parti minn din il-Koperattiva Soċjali.

Bħala FSWS ngħinu lil dawn il-persuni, li uħud minnhom huma vulnerabbli, biex iqumu fuq saqajhom tant li llum il-ġurnata ninnutaw li f’dawn il-persuni tnisslet ċertu responsabiltà, dinjità u awtonomija fil-karattru tagħhom.

Fil-fehma tiegħi dan huwa mudell li jista’ jifjorixxi. B’sodisfazzjon kbir ngħid li dawn il-ħaddiema huma kontabbli, responsabbli, isegwu l-ħinijiet u jirrappurtaw il-ħidma tagħhom ta’ kuljum saħansitra billi jipprovdu ritratti tal-ħidma kollha li tkun saret bħal tikħil, tindif tat-toroq, isaqqu s-siġar, manutenzjoni tal-bankijiet eċċ. Dan bla dubju juri impenn kbir.

Konna xxurtjati li sibna l-appoġġ tal-INDIS, li qed tikkummissjona din il-Koperattiva, kif ukoll tal-Ministeru ta’ Għawdex li ta assistenza enormi.

Flimkien ma’ dawn is-servizzi li semmejna, noffru ferm aktar. Ma ninsewx ukoll in-numru ta’ laqgħat reġjonali li jsiru fejn niltaqgħu mal-imsieħba soċjali ħalli mhux biss nitgħallmu iżda wkoll iservu bħala għodda biex il-kollaborazzjoni tal-FSWS flimkien ma’ imsieħba soċjali oħra tkompli tarrikkixxi ruħha biex tassew inkomplu naġġornaw ruħna u nagħtu l-aħjar servizz possibbli.

Filwaqt li s-servizzi tal-FSWS ma jieqfux iċ-Ċirkewwa, il-ħidma tagħna ma tiqafx mal-kosta t’Għawdex. Aħna naħdmu b’kollaborazzjoni ma’ ħaddieħor għall-ġid tal-vulnerabbli għax rridu nkunu l-vuċi ta’ min m’għandux vuċi.

Se ninkurunaw dan kollu b’konferenza fis-7 ta’ Diċembru fejn se nkunu qed nenfasizzaw u nirrikonoxxu l-kollaborazzjoni mal-entitajiet kollha li naħdmu magħhom. Fil-fatt is-suġġett se jkun ‘Flimkien għall-vulnerabbli’.

Jekk tixtieq tkun taf aktar fittixna fuq Facebook – FSWS Gozo Branch Operations – jew ċempel fuq 22588990.

Ekonomija

Sport