Thursday, May 2, 2024

INKWIET KBIR FIN-NAGORNO-KARABAKH

Ruben Briffa
Ruben Briffa
Analista dwar Avvenimenti Internazzjonali

Aqra wkoll

Matul il-jiem li għaddew, madwar 15-il elf ruħ ħarbu minn djarhom fin-Nagorno-Karabakh, żona li de-factum tagħmel parti mill-Ażerbajġan, iżda li fl-1992, kienet iddikjarat li hija indipendenti minn appuntu l-Ażerbajġan, indipendenza li mhijiex rikonoxxuta fuq bażi internazzjonali. Dawn ir-refuġjati kienu jagħmlu parti mill-komunità Armena ta’ madwar 120-il elf ruħ li tgħix ġewwa n-Nagorno-Karanbakh. L-Armenja huwa l-għadu etern tal-Ażerbajġan. Dawn l-Armeni etniċi telqu minn djarhom minħabba li ftit tal-jiem ilu, l-Ażerbajġan ħa taħt idejh din il-biċċa art li minn dejjem baqa’ jikkunsidra bħala waħda mill-provinċji tiegħu.

l-Istorja tan-Nagorno-Karabakh

Din il-biċċa art muntanjuża tinsab fin-nofsinhar tal-Kawkasu, reġjun li jinsab bejn il-Baħar l-Iswed u l-Bahar Kaspju (Caspian Sea).

L-Ażerbajġan u l-Armenja ġġieldu gwerra mdemmija fuq il-pussess tan-Nagorno-Karabakh fit-tieni nofs tas-snin tmenin u l-bidu tas-snin disgħin. Din il-gwerra kienet il-bidu tal-ħafna vjolenza li rajna f’dawn l-aħħar diċennji. Wara din il-gwerra, kien hemm diversi kriżijiet oħra bejn dawn iż-żewġ pajjiżi fuq din il-kwistjoni u li minnhom kollha l-aktar li tibqa’ tissemma hija dik li seħħet fl-2020 meta kien ġie rrappurtat li kienu nqatlu eluf ta’ nies waqt sitt ġimgħat ta’ ġlied imdemmi. Dik il-ħabta, dan il-glied kien twaqqaf mill-armata Russa.

Il-ġlied li qegħdin naraw bħalissa beda f’Diċembru tas-sena l-oħra meta l-Ażerbajġan imblokka rotta importanti għall-provvisti essenzjali tan-Nagorno-Karabakh magħrufa bħala l-Lachin Corridor, rotta li kienet tgħaqqad lin-Nagorno-Karabakh mall-Armenja. Skont il-gvern tal-Ażerbajġan, huwa kien kostrett li jagħmel dan il-pass għaliex din ir-rotta kienet qiegħda tintuża sabiex jiddaħħlu l-armi ġewwa n-Nagorno-Karabakh. Sabiex wieħed ikun qiegħed jghid kollox, l-Ażerbajġan offra lin-Nagorno-Karabakh rotta alternattiva iżda din ġiet rifjutata.

Akkużi u laqgħat bilaterali

Sadanittant, il-gvern Armen qiegħed iwissi lill-komunità internazzjonali li l-Ażerbajġan qiegħed jagħmel ‘tindif etniku’ fin-Nagorno-Karabakh. Din l-akkuża ġiet miċħuda kategorikament mill-Ażerbajġan għax skont il-gvern ta’ Baku l-iskop ewlieni tal-gvern huwa li jagħmel l-Armeni etniċi tan-Nagorno-Karabakh bħala ‘ċittadini bl-istess drittijiet tal-bqija taċ-ċittadini tal-Ażerbajġan’.

Dan wassal sabiex il-komunità internazzjonali, bl-Istati Uniti fuq quddiem, tagħmel pressjoni kbira sabiex l-Ażerbajġan u l-Armenja jiltaqgħu madwar mejda sabiex tinstab soluzzjoni aħħarija fuq dan ir-reġjun u fuq kollox jiġu protetti r-refuġjati li ħerġin minn Nagorno-Karabakh. Fil-fatt, għadu kemm ġie mħabbar li għada l-Tlieta, 3 ta’ Ottubru, sejrin jibdew sensiela ta’ laqgħat ġewwa Brussell, organizzati mill-Unjoni Ewropea, bejn dawn iż-żewġ pajjiżi sabiex tiġi solvuta din il-kwistjoni li issa ilha għexieren ta’ snin tifni lil dan ir-reġjun.

Sadanittant, l-Armenja qiegħda tilqa’ lil dawn ir-refuġjati li fuq kollox huma niesha wkoll u l-gvern Armen ħabbar li għandu pjan sabiex tilqa’ gewwa ħdanha sa 40 elf refuġjat li l-gvern sejjer ikun qiegħed jipprovdilhom akkomodazzjoni u fondi sabiex jgħixu ħajja aċċettabbli. Ħafna Armeni qegħdin ukoll joffru kmamar ġewwa djarhom għal dawn in-nies.

Ġlied u protesti

Matul dawn l-aħħar jiem qegħdin isiru ħafna protesti vjolenti ġewwa Yerevan, il-kapitali tan-Nagorno-Karabakh, kontra l-gvern minħabba li ħafna miċ-ċittadini qegħdin jgħidu li dan qiegħed ikun wisq servili lejn l-Ażerbajġan. Fil-fatt, nhar it-Tnejn li għadda, ġew arrestati madwar 150 ruħ waqt protesti simili. Il-midja internazzjonali qiegħda tgħid ukoll li l-armata qiegħda żżomm xi nies arrestati wara li dawn imblukkaw xi toroq. Qiegħed jiġi rrappurtat ukoll li l-protestanti ppruvaw jidħlu ġewwa l-bini li jservi bħala l-uffiċċju tal-Prim Ministru tan-Nagorno-Karabakh. Dawn il-protestanti qegħdin jitolbu li jirriżenja l-Prim Ministru Nikol Pashinyan, appuntu għaliex qegħdin jakkużawh li huwa l-pupazz ta’ Baku.

Indħil barrani u d-dhul tal-Armata

Minkejja li kif diġà għedna aktar ‘il fuq, in-Nagorno-Karabakh huwa rikonoxxut internazzjonalment bħala provinċja tal-Ażerbajġan, issa ilu aktar minn 30 sena kkontrollat mill-Armeni etniċi li jgħixu gewwa fih. Matul dawn l-aħħar tliet deċennji, l-ekonomija tiegħu ġiet issapportjata bil-kbir mill-Armenja. Anke r-Russja, li hija alleat tal-Armenja, ddeffset f’din il-kwistjoni u ilha jkolla preżenza sostanzjali militari gewwa n-Nagorno-Karabakh għal snin twal. Fil-fatt, il-midja internazzjonali qiegħda tirrapporta li mill-anqas ħames suldati Russi ġew maqtula flimkien ma’ madwar mitejn Armen Etniku meta l-ġimgħa l-oħra daħlet ġewwa dan ir-reġjun l-armata tal-Ażerbajġan li minnufih ħabbret li kkonfiskat ammont sostanzjali ta’ armi u munizzjon.

Sadanittant, il-komunità internazzjonali qiegħda ssaqsi lill-gvern ta’ Baku fuq in-nuqqas ta’ provvisti ta’ prodotti essenzjali li hemm bħalissa ġewwa n-Nagorno-Karabakh. Fil-fatt, qiegħed jiġi rrappurtat li kemm ilha li daħlet l-armata tħalliet tidħol biss kunsinja waħda ta’ 70 tunnellata ikel.

Minkejja li l-kwistjoni fuq n-Nagorno-Karabakh żgur mhijiex sejra tispiċċa bid-dhul tal-armata tal-Ażerbajġan ġewwa fih u għalhekk din l-istorja sejra tkun qiegħda tiżviluppa aktar, minn din l-istorja ħareġ punt importanti ħafna rigward d-dinja tal-politika internazzjonali. Dan huwa fuq kemm il-ġrajjiet internazzjonali li jkunu qegħdin iseħħu jikkaġunaw ġrajjiet ġodda jew jaffettwaw ġrajjiet li diġà jkunu bdew. Fuq dan il-punt, ħafna mill-midja internazzjonali kkummentat li d-deċiżjoni tal-Ażerbajġan li jidħol bl-armata ġewwa n-Nagorno-Karabakh kienet influwenzata mill-fatt li l-armata Russa bħalissa qigeħda kkonċentrata fuq affarijiet oħra u ftit għandha moħħ sabiex toffri l-għajnuna lill-Armenja.

Sport