Friday, December 13, 2024

IL-ĦIDMA TAL-GWU HI LI TIŻGURA LI EBDA ĦADDIEM MA JAQA’ LURA

Il-GWU tiċċelebra l-81 sena mit-twaqqif tagħha

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

Il-ħidma tal-General Workers’ Union hi li tiżgura li ebda ħaddiem Malti, Ewropew jew dawk li ġejjin minn pajjiżi terzi, irrispettivament mill-isfond jew iċ-ċirkostanzi tagħhom, ma jibqa’ ħadd lura. B’mod partikolari f’dawn iż-żminijiet meta r-razziżmu qed jerfa’ rasu, nemmnu fil-ħidma u s-servizzi li jingħataw lill-ħaddiema li ġejjin minn pajjiżi terzi li spiss jiffaċċjaw sfruttament u abbuż. Ma nistgħux u mhux se nħallu dan ikompli. Il-GWU hija impenjata li tiżgura li kull ħaddiem ikun trattat b’dinjità u rispett.

Kien dan il-ħsieb li mexxa ‘l quddiem is-Segretarju Ġenerali tal-GWU Josef Bugeja waqt ċerimonja li saret dalgħodu fuq il-monument tal-Ħaddiem fl-Imsida fl-okkażjoni tal-81 anniversarju mit-twaqqif tal-GWU. Għal din iċ-ċerimonja kien hemm l-amministrazzjoni ċentrali tal-GWU, Segretarji ta’ diversi Taqsimiet u uffiċjali oħra li lkoll poġġew fjuri f’riġlejn il-monument.

Is-Segretarju Ġenerali tal-GWU beda biex fisser li l-union twieldet minn ħtieġa profonda, ħtieġa li jiġu introdotti drittijiet ġodda, trattament xieraq u ugwali bejn il-ħaddiema Maltin u dawk Ingliżi. Inħolqot biex iġġib ‘il quddiem l-uġigħ u l-karbiet tal-ħaddiema. Ħadmet matul is-snin biex tipproteġi dawk id-drittijiet li akkwistaw matul is-snin il-ħaddiema. Ħadmet biex tingħata vuċi lil dawk li m’għandhomx u li tkun is-sinsla tal-progress soċjali. “Illum, din il-missjoni hija kruċjali daqs qatt qabel,” qal is-Sur Bugeja.

Huwa kompla jgħid li l-GWU temmen li Malta bħala nazzjon żgħir b’pożizzjoni ġeografika unika, tiffaċċja kemm opportunitajiet kif ukoll sfidi li jeħtieġu ppjanar bir-reqqa u strateġiku. Enfasizza li: “biex niżguraw żvilupp sostenibbli u prosperità fit-tul għal kulħadd, Malta teħtieġ viżjoni strateġika nazzjonali. Viżjoni waħda ħolistika li tintegra l-elementi kollha tal-oqsma ekonomiċi, soċjali, tal-kwalità tal-ħajja tagħna u ta’ governanza.

Din il-viżjoni għandha titfassal bejn il-partit politiċi u s-sħab soċjali. Fuq din il-viżjoni għandu jinħadem pjan komprensiv għall-pajjiż, biex niżguraw li nimxu´l quddiem bħala soċjetà u li s-setturi kollha jaħdmu f’armonija biex jintlaħqu għanijiet komuni. Nemmnu li din il-viżjoni u strateġija nazzjonali ħolistika hija essenzjali biex Malta tkompli tikber ekonomikament u soċjalment f’dinja globali aktar kumplessa. Hekk kif id-dinja ssir dejjem aktar magħquda globalment, fatturi esterni bħal gwerer, bidliet ekonomiċi, avvanzi teknoloġiċi, u tħassib ambjentali jħallu impatt sinifikanti fuq Malta. B’viżjoni u pjan ħolistiku jippermettu lil Malta tindirizza dawn il-fatturi b’mod proattiv.”

|s-Segretarju Ġenerali tal-GWU tenna li f’dinja bil-ġirja għal aktar effiċjenza, produttività u aktar profitti, it-Trade Unions għandhom rwol essenzjali fit-tisħiħ tas-soċjetà. Il-ħaddiem għandu dritt li jipparteċipa fis-suċċess ta’ kull post tax-xogħol tiegħu. Fuq kollox meta l-affarijiet imorru ħażin l-ewwel daqqa tkun fuq il-ħaddiem.

Huwa stqarr li l-uffiċjali tal-GWU mhumiex biss difensuri iżda wkoll promoturi. Promoturi tal-aġenda tal-ħaddiem u biex jippromwovu trattament ġust, pagi diċenti u kundizzjonjiet tax-xogħol tajbin.

“Għalhekk nemmnu li dan huwa ż-żmien opportun biex tidħol fis-seħħ il-liġi li tirregola s-sħubija awtomatika tal-ħaddiema fi Trade Union tal-għażla tagħhom. Din mhix politika biss – nemmnu li hija neċessità fil-ġlieda kontra l-inġustizzja fuq il-post tax-xogħol.”

Huwa esprima s-sodisfazzjon li l-Gvern se jniedi konsultazzjoni wiesgħa dwar dan is-suġġett importanti. “Aħna kburin li l-General Workers’ Union kienet minn ta’ quddiem nett, favur riformi li jeliminaw l-abbuż u jiżguraw trattament ġust għall-ħaddiema kollha. Il-vuċi tagħna kienet, u se tibqa’, waħda ta’ azzjoni u bidla.”

Is-Sur Bugeja fakkar ukoll li sa mill-bidu tagħha, il-GWU kienet fil-qalba tat-trasformazzjoni soċjo-ekonomika ta’ Malta. Qal li l-GWU mhux biss kienet xhieda tal-bidla iżda parteċipanti attiva fiha, li fasslet il-politika u l-inizjattivi li bnew lil dan il-pajjiż u l-GWU mill-qiegħ.

“Il-proposti tal-baġit riċenti tagħna huma meqjusa li jagħtu prijorità lill-kwalità tal-ħajja taċ-ċittadini tagħna, ta’ eċċellenza u li jiżguraw impjiegi diċenti, ambjent aħjar u kwalità tal-ħajja eċċellenti. Dan huwa l-ħsieb dwar il-futur li rridu nibnu għall-ġenerazzjonijiet li ġejjin.

“U jekk qed nitkellmu dwar il-futur ma nistgħux ninsew minn fejn tlaqna. Ejja f’dan il-mument ukoll nonoraw lill-pensjonanti tagħna. Huma l-pilastri li fuqhom huwa mibni l-preżent tagħna, u rridu niżguraw li huma wkoll ikomplu jgħixu fid-dinjità u jaħsdu l-benefiċċji tax-xogħol iebes li ddedikaw ħajjithom għalih.

“Hekk kif niċċelebraw 81 sena, nibqgħu sodi fl-impenn tagħna lejn il-valuri li ggwidawna sa mit-twelid tagħna. Nistennew bil-ħerqa ħafna snin oħra ta’ ħidma biex navvanzaw aktar id-drittijiet tal-ħaddiema, trattament ugwali, kwalità tal-ħajja aħjar u soċjetà aktar ġusta u inklussiva għal kulħadd,” temm jgħid is-Segretarju Ġenerali tal-GWU Josef Bugeja.

Ekonomija

Sport