Minn Cristian Muscat
Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-futbol?
L-imħabba tiegħi lejn il-futbol bdiet minn mindu kont żgħir. Ommi kienet teħodni nara lil missieri, Edward Azzopardi, jilgħab u minn hemm kont qbadt inħobb il-futbol.
Iddeskrivi l-esperjenza preżenti tiegħek ma’ Valletta FC.
Din is-sena mal-Valletta kelli staġun tajjeb ħafna fejn lgħabt ammont sabiħ ta’ logħob u ngħatajt ħafna ċansijiet. Din is-sena wkoll kienet ta’ esperjenza kbira fejn tgħallimt ħafna affarjiet u nħoss li kbirt fil-logħba.
X’tikkummenta fuq il-fatt li sirtu Champions tal-BOV Challenge League u ksibtu l-promozzjoni għall-Malta Premier?
Bħala tim din is-sena nħoss li kellna grupp magħqud ħafna. Konna dejjem hemm, naħdmu għal xulxin u lesti li nagħtu kollox. Il-ħidma tal-plejers flimkien mal-kowċis, staff tekniku u kumitat, kienet ir-riċetta ta’ dan is-suċċess. B’dawn il-valuri urejna dan u logħba wara logħba kellna prestazzjonijiet mill-aqwa.
It-tragwardi tagħna għal dan l-istaġun kienu li nirbħu l-kampjonat u nerġgħu nitilgħu fejn tassew jixraqlu dan il-klabb tant glorjuż. Illum il-ġurnata ħdimna, irsistejna u dawn it-tragwardi lħaqnihom. Dan grazzi wkoll lill-ħafna partitarji Beltin fejn kienu hemm għalina fit-tajjeb u l-ħażin.
Kif tqis il-livell tal-futbol Malti fil-preżent, u kif rajtu jinbidel tul is-snin?
Il-futbol Malti għandu l-livelli tiegħu. Dejjem naraw id-diferenza tal-livell bejn il-Malta Premier u l-BOV Challenge League, biss naħseb li t-tnejn li lhuma għandhom it-tajjeb u l-ħażin tagħhom.
U dak tar-riżorsi (grawnds) fejn titħarrġu u tilagħbu l-logħob kompetittiv tagħkom?
Fuq riżorsi kulħadd jaf li hawn Malta aħna limitati minn ħafna faċilitajiet kbar, imma għalkemm il- maġġoranza tal-grawnds li hawn Malta rridu jitranġaw, il-klabbs Maltin xorta jaħdmu b’li hawn.
Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fil-futbol?
Jien inħobb nimxi pass pass u ma nħobbx nara kbir, biss bħala għan fit-tul tiegħi fil-futbol huwa li nilgħab b’mod professjonali barra min xtutna u nkun parti mit-tim nazzjonali.
Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fil-futbol.
Jiena ħaġa waħda li ltqajt magħha s’issa fil-karriera tiegħi fil-futbol, hija li għalkemm tkun għaddejj minn fażi tajba jew minn perjodu tajjeb fil-futbol, xorta waħda għandek tibqa’ umli u ma tkabbarx rasek. Dejjem għandek tħares ‘il quddiem u taħdem iktar biex tikseb iktar.