Wara li f’Ottubru 2022, l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO) nieda stħarriġ dedikat għall-ħiliet f’Malta, l-NSO lbieraħ ħareġ l-ewwel pubblikazzjoni b’riżultati preliminari u importanti mill-istħarriġ.
L-istħarriġ sar fost 130,000 individwu, li għandhom bejn il-15 u l-64 sena u li jgħixu fi djar privati. Dawn kienu jinkludu ċittadini Maltin residenti f’Malta u ċittadini mhux Maltin li kienu għexu f’Malta għal mill-inqas ħames snin qabel l-istħarriġ.
Il-ħiliet ittrattati fl-istħarriġ kienu miġbura fi tmien kategoriji wesgħin. L-aktar kategoriji komuni taʼ ħiliet, jiġifieri dawk il-kategoriji fejn minn tal-inqas ħila waħda kienet magħżula mill-popolazzjoni mistħarrġa, kienu l-computing (78.5 fil-mija), il-komunikazzjoni u l-kollaborazzjoni (70.6 fil-mija) u l-l-għoti tal-assistenza u l-kura (65.6 fil-mija).
Fil-kategorija tal-ħiliet artistiċi u kreattivi, l-isports kien l-aktar ħila komuni fost l-iżgħar saff tal-popolazzjoni (fl-età taʼ bejn il-15 u l-24 sena), mentri l-ħiliet tat-tisjir kienu l-aktar popolari fost dawk li kellhom minn 25 sena ʼl fuq.
Il-ħiliet fl-industrija tal-kostruzzjoni u oħrajn relatati nstabu l-aktar fost l-irġiel li huma akbar fiż-żmien.
Il-ħiliet fil-biedja, is-sajd u oħrajn relatati kienu aktar komuni f’Għawdex, bil-proporzjon ta’ dawk li semmew mill-inqas ħila waħda ikun akbar minn dak għall-popolazzjoni kollha.
Kważi nofs l-irġiel fil-popolazzjoni mistħarrġa identifikaw mill-inqas ħila waħda mill-kategorija tal-ħiliet konnessi ma’ għodda u makkinarju. L-għadd tan-nisa li semmew dawn il-ħiliet kien ħafna inqas (15.4 fil-mija).
Kważi 75 fil-mija tan-nisa għażlu mill-inqas waħda mill-ħiliet tal-assistenza, il-kura u oħrajn relatati. Bi 58.4 fil-mija, in-numru ta’ rġiel li għamlu l-istess għażliet kien ħafna inqas.
L-aktar ħila tal-informatika misjuba fil-popolazzjoni kienet il-ġbir ta’ tagħrif minn sorsi fiżiċi jew elettroniċi (24.6 fil-mija). Aktar minn tliet kwarti tal-popolazzjoni mistħarrġa rrappurtaw li għandhom ħiliet bażiċi tal-kompjuter (76.8 fil-mija).
L-ilsna l-aktar mifhuma mill-popolazzjoni mistħarrġa kienu l-Ingliż (96.0 fil-mija), segwit mill-Malti (90.4 fil-mija) u mit-Taljan (62.0 fil-mija).
L-għarfien tal-ilsien Taljan u tal-ilsien Għarbi kien aktar imxerred fost dawk li kellhom minn 25 sena ʼl fuq, filwaqt li l-Franċiż u l-Ġermaniż kienu prevalenti fost dawk fl-età taʼ bejn il-15 u l-24 sena.
Dik il-parti tal-popolazzjoni li rrappurtat li għandha ħiliet avvanzati fil-qari u l-kitba tal-Malti kienet ħafna inqas meta mqabbla mal-parti l-oħra li kellha ħiliet avvanzati fejn jidħlu l-fehim u t-taħdit fil-lingwa Maltija.
Livell avvanzat tal-Malti u l-Ingliż, fl-erbaʼ oqsma tat-tagħlim tal-lingwi, kien iktar komuni fost in-nisa milli fost l-irġiel.
Meta mqabblin maʼ nies akbar fiż-żmien, persuni iżgħar fl-età kellhom aktar imnejn jgħidu li għandhom livell avvanzat fʼwaħda mill-erbaʼ oqsma tal-ilsna.