Wednesday, December 25, 2024

Il-Ħiliet għas-seklu 21

Kenneth Vella

Aqra wkoll

Fl-aħħar artiklu tiegħi ġimagħtejn ilu ktibt dwar l-isfida li għandna fl-edukazzjoni li jkollna kurrikulu u sillabu li jirriflettu l-ħiliet għas-seklu 21. Illum se nagħti ħarsa fid-dettall lejn liema huma dawn il-ħiliet. Skont studju li sar ftit tax-xhur ilu mill-World Economic Forum magħruf bhala New Vision for Education: Fostering Social and Emotional Learning Through Technology inkiteb li biex jidħlu fid-dinja tax-xogħol u bla tbatija, l-istudenti tal-lum għandhom ikunu kapaċi jikkollaboraw, jikkomunikaw u jkollhom il-ħiliet neċessarji biex isolvu l-problemi li jiltaqgħu magħhom. Dawn huma ħiliet li skont l-istess Forum jiġu żviluppati permezz ta’ tagħlim soċjali u emozzjonali. 

L-istess studju wera li b’kollox l-istudenti tas-seklu 21 għandu jkollhom sittax–il ħila essenzjali li huma maqsuma fi tliet kategoriji. Dawn huma Foundational Literacies; kompetenzi bażiċi u kwalitajiet relatati mal-karattru. Il-Foundational Literacies jinkludu dawk il-ħiliet li t-tfal japplikawhom fil-ħajja ta’ kuljum. Fost dawn wieħed jista jsemmi l-ħiliet fil-litteriżmu, matematika u numeracy, xjenza, ICT jew kompjuters, finanzi u ħiliet u tagħrif fil-qasam ċiviku u kulturali. 

L-istudenti għandhom ukoll ikunu kapaċi jaffrontaw sfidi kemxejn kumplessi. Dan permezz ta’ ħiliet u taħriġ fil-ħsieb kritiku u problem solving, kreattività, kommunikazzjoni u kollaborazzjoni. It-tfal tagħna għandu wkoll ikollhom kompetenzi li jassistuhom fil-kwalitajiet, valuri u l-karattru tagħhom. Fi kliem ieħor it-tfal għandhom ikunu kapaċi jirrispondu għat-tibdil fl-ambjent, kultura u s-soċjetà ta’ madwarhom. Dan billi jkunu inkoraġġuti jkunu kurjużi, jieħdu inizjattivi, ikunu persistenti, ikunu kapaċi jadattaw għaċ-ċirkostanzi tal-ħajja, ikollhom sens ta’ leadership jew tmexxija u jkunu anki konxji dwar it-tibdil soċjali u kulturali ta’ madwarhom. 

L-istudju li sar mill-istess World Economic Forum sab ukoll li t-tfal li ngħataw xi forma ta’ taħriġ f’dawn il-ħiliet kienu preparati aħjar għad-dinja tax-xogħol u apprezzaw aktar il-valur tas-snin tal-edukazzjoni obbligatorja tagħhom. Intqal ukoll li meta t-tfal jingħataw eżempju ta’ ħiliet effettivi fil-qasam tat-tmexxija u jiġu nkoraġġuti jkunu aktar kurjużi fil-ħajja ta’ kuljum ikunu preparati aħjar għall-impjieg futur tagħhom. Iżda ħafna jistaqsu kif nistgħu nwasslu dawn il-ħiliet lit-tfal tagħna? Studji tal-istess Forum u oħrajn urew li dan jista’ jseħħ b’diversi modi anki fil-klassi u fl-iskola inġenerali. Fosthom billi wiehed jinkoraġġixxi tagħlim ibbażat fuq il-logħob jew play-based learning; it-tagħlim ikkunsidrat kumpless għandu jiġi mgħallem f’sessjonijiet differenti; it-tfal għandhom jiġu mgħallma f’ambjent sikur; tiġi instigata mentalita’ fl-iskejjel li t-tfal qegħdin imorru l-iskola biex jikbru b’mod sħiħ; tiġi promossa relazzjoni ta’ rispett u solidarjetà bejn l-istudenti, it-tfal għandhom jingħataw il-ħin li jaħsbu, jikkonċentraw u janalizzaw;  għandhom jiġu mfaħħra kontinwament għall-progress li jagħmlu anki jekk dan ikun żgħir; it-tfal għandhom jiġu assistiti, jifhmu u japprezzaw il-valur ta’ dak li jagħmlu l-iskola; l-istudenti għandhom jiġu megħjuna jieħdu vantaġġ mill-personalità u l-kwalitajiet personali tagħhom; it-tfal jingħataw sfidi li huma tal-livell tagħhom u jingħataw opportunitajiet jgħinu lill-oħrajn. Dan mhux kollox għax il-lezzjonijiet għandu jkollhom għanijiet speċifici u fil-klassi l-għalliema għandhom jużaw kemm jistgħu metodi tat-tagħlim hands on.

Intant rapport ieħor maħruġ mill-istess World Economic Forum, magħruf bħala The Future Of Jobs u li ġie mniedi fil-kungress ta’ Davos ħames snin ilu kien analizza l-ħiliet u l-istrateġija li hemm bżonn għad-dinja tal-impjieg fis-snin li ġejjin. Riċerkaturi fi ħdan l-aġenzija kienu staqsew numru ta’ diretturi minn kumpaniji ewlenin multinazzjonali u minn diversi pajjiżi x’jaħsbu dwar il-bżonn li wieħed jgħallem ċertu ħiliet illum b’kuntrast mat-tagħlim li kien isir tradizzjonalment. Dan anki bi preparazzjoni tal-istudenti għad-dinja tax-xogħol. 

Dawk li ħadu sehem f’din ir-riċerka sostnew li l-istudenti li se jidħlu fid-dinja tax-xogħol f’dawn is-snin, fi sfond ta’ taqlib u ta’ xogħlijiet u professjonijiet li qegħdin jevolvu u jinbidlu sikwit, għandhom ikunu kapaċi jaħsbu b’mod kreattiv, ikollhom il-ħila jsolvu problemi kumplessi, ikunu kreattivi, kapaċi jaħdmu fi gruppi u jikkordinaw ix-xogħol tal-oħrajn, ikollhom intelliġenza emozzjonali, ikunu kapaċi janalizzaw kull sitwazzjoni u jieħdu deċizjonijiet utli, ikunu lesti jkunu ta’ servizz għall-ohrajn u jkunu kapaċi jinnegozjaw u jkunu flessibli. 

Huma kkonkludew li dan kollu jista jintlaħaq jekk min jagħmel il-politika fl-edukazzjoni, l-edukaturi il-ġenituri, l-industrijalisti, ir-riċerkaturi, jaħdmu u jikkollaboraw flimkien. Personalment barra li naqbel ma’ dan kollu, nemmen li biex dawn l-għanijiet jintlaħqu ħafna jiddependi mill-edukaturi u l-amministraturi tal-iskejjel. Madanakollu huwa importanti li dawn jiġu kkonsultati f’kull deċiżjoni li tittieħed mill-awtoritajiet. L-edukaturi għandu jkollhom status ta’ professjonisti, jingħataw it-taħriġ u r-riżorsi li hemm bżonn u huma u r-rappreżentanti tagħhom ikunu rispettati mill-istakeholders kollha. Fuq kollox hemm bżonn li kull policy tal-edukazzjoni tkun ibbażata fuq riċerka li tkun saret fil-pajjiżi rispettivi u anki f’pajjiżi oħra. Huwa importanti wkoll li l-edukaturi jkollhom iċ-ċans jaqsmu l-esperjenzi u l-ideat tagħhom mhux biss ma’ edukaturi oħra minn pajjiżhom stess iżda anki ma’ oħrajn minn diversi pajjiżi. Illum dan hu possibbli wkoll anki grazzi għal diversi programmi u proġetti li jiġu offruti permezz ta’ fondi mogħtija mill-Unjoni Ewropea. 

Ekonomija

Sport