Friday, May 3, 2024

Jgħid li jaqbillu jkun arrestat għaliex barra l-problemi jikbrulu

Raġel ta' 29 sena mixli li daħal jisraq minn ħanut tal-logħob b’arma tal-plastik.

Aqra wkoll

Raġel ta’ 29 sena li allegatament daħal jisraq minn stabbiliment fil-Marsa b’arma tal-plastik inżamm arrestat wara li wieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjuba kontra tiegħu. 

Fil-Qorti ħareġ ukoll li r-raġel għandu problema kbira tad-droga tant li kif stqarr hu stess mal-pulizija illi jekk jibqa’ barra fit-triq, il-problemi li għandu jistgħu jikbrulu aktar. 

Irriżulta wkoll fil-Qorti illi l-problema tad-droga qiegħda wkoll fil-familja tiegħu, tant li ommu wkoll li magħha l-imputat joqgħod għandha l-istess problema.

Daryl Mark Pace ġie mixli li fl-14 t’Awwissu seraq flus kontanti minn stabbiliment tal-logħob tal-Marsa, li żamm raġel kontra l-volontà tiegħu u li kellu arma waqt li kien qed jagħmel reat. 

Huwa kien mixli wkoll li fil-lejl ta’ bejn it-22 u t-23 ta’ Ġunju, flimkien ma’ persuni oħra, serqu flus u oġġetti oħra minn ħanut tax-xagħar fil-Marsa, li kiser il-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest u li sar reċediv. 

Il-Prosekuzzjoni spjegat lill-Maġistrat Elaine Mercieca, li quddiemha tressaq l-imputat, li filmati tas-CCTVs kienu wrew lil Pace wiċċu mikxuf iġorr basket li fih kien hemm xi ħwejjeġ.

Huwa jidher nieżel ftit ‘l isfel mill-ħanut tal-logħob, jilbes il-ħwejjeġ li kien hemm fil-basket fuq dawk li kellu fuqu iżda baqa’ bl-istess żarbun. Intqal li huwa mbagħad daħal fil-ħanut b’arma li aktar tard irriżulta li kienet tal-plastik, u allegatament wettaq is-serqa.

Ġie kkonfermat li kien l-istess persuna anke mit-tpinġijiet li kellu. Huwa mbagħad baqa’ sejjer lejn id-dar tiegħu, li tinsab ftit metri bogħod fejn seħħet l-allegata serqa.

L-imputat ġie arrestat l-Erbgħa li għadda, u fil-Qorti ntqal li huwa kien ikkopera fl-investigazzjonijiet tal-pulizija. Pace wieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjuba kontra tiegħu u saret talba għall-ħelsien mill-arrest tiegħu.

Il-Prosekuzzjoni oġġezzjonat minħabba li fadal xhieda pajżana li għad iridu jixhdu f’dawn il-proċeduri u l-fatt li għandu problema akuta tad-droga. 

Wara li semgħet l-argumenti taż-żewġ naħat, il-Qorti ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest minħabba biża’ ta’ intralċ ta’ provi u ordnat li jibqa’ jinżamm taħt arrest preventiv fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin. 

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispetturi Lydon Zammit, Stephen Gulia u Andy Rotin mentri l-Avukat Martin Farrugia deher għal Pace. 

Artiklu preċedenti
Artiklu li jmiss

Sport