Apprezzament lil Dr Irina Pereverzev – Direttriċi taċ-Ċentru Russu għall-Kultura u x-Xjenza fil-Belt Valletta

Aqra wkoll

Minn Shawn Borg

Għeżież qarrejja ta’ IT-TORĊA   nixtieq naqsam magħkom l-apprezzament ta’ persuna li ftit tas snin ilu ltqajt magħha u qiegħed nirreferi għal Dr Irina Pereverzeva. Dr Irina hija fil-preżent id-Direttriċi taċ-Ċentru Russu għall-Kultura u x-Xjenza fil-Belt Valletta. Sirt naf lil Dr Irina b’kumbinazzjoni permezz ta’ pjattaforma socjali fejn ddiskutejna diversi suġġetti b mod partikolari fejn tidħol il-ħajja tal-Maltin kif ukoll il-kulturi kemm Russa kif ukoll dik Maltija. Din il-laqgħa virtwali ħalliet impressjoni fuqi fejn għidt bejni u bejn ruħi li din il-persuna  hija persuna kolta kif ukoll mimlija tagħrif u b’imhabba speċjali lejn dak kollu li għandu x’jaqsam mal-kultura u l-arti.

Ma’ Dr Irina niftakar li kelli laqgħa oħra din id-darba fuq stedina tagħha fiċ-Ċentru Kulturali u x-Xjenza fil-belt Valletta fejn dawritni maċ-Ċentru u tagħtni spjeggazzjoni ta’ kull kamra li dan il-bini huwa mgħammar bih. Impressjonanti ħafna il-librerija rikka li dan iċ-ċentru għandu fejn l-istess librerija hija anke miftuħa għall-pubbliku Malti. Hemm ukoll esebizzjoni permanenti dwar ir-relazzjonijiet diplomatiċi bejn Malta u r-Russja fejn imorru lura snin twal  u li l-moħħ wara din l-esebizzjoni hija ta  Dr Irina.

Waqt il-laqgħa tagħna fis-salott, gejt preżentat b’te tipiku Russu liema te veru ħadt gost nixorbu u dan minkejja li aktar niggosta l-kafè però dan it-te kien wieħed partikulari u dan akkumpanjat ma’ helu tip Russu li niżel għasel ma’ naqra te tajba.

Però l-aktar li niżel għasel kienet id-diskursata li kelli ma’ Dr Irina fejn innutajt l-imħabba li għandha lejn il-kultura u l-arti  mhux biss dik Russa iżda anke il-kultura u l-arti Maltija. Innutajt li minkejja l-livell ta’ edukazzjoni f’livell ta’ dottorat kif ukoll karriera prestiġjuża tul ħajjitha rajt fiha l-umiltà li bih titkellem.

Niftakar,  Dr Irina tirrakkontali meta  ġiet mitluba sabiex taħdem bħala Direttriċi taċ-Ċentru f’Malta lura fis-sena 2019 fejn  kienet ferm kuntenta u dan għall-fatt li fis-sena 1998 kienet ġiet Malta bħala turista u Malta ħalliet warajha seher bil-pajsaġġi Maltin li huma uniċi.

Però, Dr Irina taffaxxina ruħha bil-kultura Maltija kif ukoll bil-karattru tal-Maltin saħansitra irnexxielha anke titgħallem ftit bil-Malti  u  ż-żmien li ilha f’Malta għamlet ħafna ħbieb Maltin u skopriet ħafna postijiet f’Malta li onestament jien qatt ma kont naf bihom.

Fix-xogħol tagħha ta’ Direttriċi. Dr Irina dejjem poġġiet bħala priorità il-kultura u l-arti li ovvjament dan il-post huwa dedikat għalih u dan għal fatt li hija temmen li permezz tal-kultura u l-arti  wieħed jista’ jibni pont li jgħaqqad iż-żewġ pajjiżi kif ukoll in-nies  flimkien, tant hu hekk li ħafna artisti Maltin ingħataw l-ispazju sabiex jesponu it-talenti artistiċi tagħhom f’dan iċ-ċentru.

Waħda mill-esebizzjonijiet li kienet  għal qalb din id-Direttriċi, fejn tat ħafna mill-ħin tagħha sabiex taraha timmaterjalizza kienet dwar ir-Russi li kienu sfaw eżiljati f’Malta minħabba r-revoluzzjoni Kommunista. F’din l-esebizzjoni Dr Irina riedet turi lil Maltin li dawn ir-Russi eżiljati ma ġewx biss f’ Malta u m’għamlu xejn  imma kienu ta kontribut enormi għal pajjiżna minn ftuħ ta’ skejjel tal-Ballet sa pitturi u saħansitra monumenti li wieħed minnhom huwa dak tas-Sette Giugno u li jinsab fiċ-Ċimiterju ta’ l-Addolorata.

Dr Irina dejjem enfasizzat li ċ-Ċentru għall-Kultura u x-Xjenza Russu fil-Belt Valletta huwa miftuħ għal kulħadd u dejjem għamlet enfasi għal kelma kulħadd irresptivament mit-twemmin reliġjuż jew politiku jew minn nazzjonalità. It-teorija ta’ Dr Irina hija li l-arti  m’għandiex la twemmin u lanqas nazzjonalità.

Nista’ ngħid li din il-mara  kompliet tibni l-pontijiet bejn iż-żewġ pajjiżi anke fir-Russja u dan għall-fatt li blog tagħha bil-lingwa Russa tagħti min żmien għal iehor il-ħajja tagħha f’Malta kif ukoll ir-rikezzi li aħna l-Maltin għadna f’dan il-pajjiż u li mhux dejjem napprezzawhom.

Onestament f’dawn l-aħħar snin li kelli x-xorti nattendi kemm serati professjonali  fi ħdan iċ-ċentru kif ukoll laqgħat informali ma’ Dr Irina nista’ ngħid li f din il-mara rajt impenn qawwi lejn dak li fdawn is-snin għamlet għal dan iċ-Ċentru Russu u li minnu gawdew ħafna nies kemm il-komunità Russa f’Malta u aħna l-Maltin li minn żmien għal żmien nattendu dawn is-serati u fejn wara kull serata  hemm dedikazzjoni ta’ ħinijiet twal ta preparazzjoni.

Niftakar l-intervista li għamilt għall-IT-TORĊA ma’ Dr Irina fejn barra li kienet waħda akkoljenti, ukoll kienet waħda informattiva għal aħħar fejn barra li tkellmet fuq il-ħajja personali  tagħha  tagħtni dettalji ta’  l-attivitajiet u s-servizzi  kollha li ċ-ċentru joffri minn worskshops, attivitajiet għat-tfal, tagħlim tal-lingwa Russa,  wirjiet sa kunċerti b’tenuri/soprani  u artisti professjonali.   Tant kemm din l-intervista kienet informattiva  li kellna naqsmuha  f’żewg partijiet. Wieħed jista’ jerġa’  jaqra din l-intervista fuq IT-TORĊA  ta’ 8 u il-15 ta’ Dicembru tas-sena 2024.

Dr Irina se ttemm din il-missjoni tagħha f’Malta f’Diċembru ta’ din is-sena fejn flimkien ma’ l-għeżież ġenituri tagħha se tirtira u tmur lura ir-Russja

Persważ li Dr Irina se tibqa’ f’moħħ u  l-qalb ta’ ħafna nies li b’xi mod missew magħha kemm fuq xogħol inkella b’xi parir siewi, kif ukoll  kull meta kont iċ-ċentru dejjem tilqghek b’dik it-tbissima ħelwa u ta’ mħabba. Nagħlaq dan l-apprezzament billi nawgura lil Dr Irina  saħħa kif ukoll ħin dedikat għaliha u għal għeżież  ġenituri  tagħha kif ukoll   sabiex tkun tista’ tgawdi l-passatempi tagħha fiż-żmien ta l-irtirar .

“GRAZZI  Dr Irina u perswaz li kif Malta ħa tibqa’ f’Qalbek inti ħa tibqa’ f’ Qalbna ukoll. Forsi għad nerġgħu niltaqgħu f’Malta jew inkella fir-Russja”.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport