Sunday, December 22, 2024

IL-ĦTIEĠA LI JINGĦATAW IT-TIENI ĊANS

Aqra wkoll

Fil-ħajja mhux kollox ward u żahar u tista’ tgħid li kulħadd, xi darba jew oħra, kellu jgħaddi minn xi mumenti diffiċli u ffaċċja ħafna tlajja’ u nżul. Huwa għalhekk importanti li dawk il-mumenti, ibsin kemm huma ibsin, wieħed jagħraf jaffrontahom b’kuraġġ u determinazzjoni, għalkemm irridu nirrikonoxxu li ħafna drabi ma jkunx faċli li dan isir.

Jeżistu mbagħad ċirkostanzi fejn persuna li tkun għamlet żball ta’ darba, ikollha tpatti qares ta’ għemilha u jkollha tibqa’ ġġorr dak l-iżball tul ħajjitha. Jiġri li jkun hemm min xorta jibqa’ jħares lejn dak li jkun bl-ikrah jew inkella tkun diffiċli għalih jew għaliha li jsib xogħol u jintegra lura fis-soċjetà.

Nagħmluha ċara, kwalunkwe azzjoni li tista’ tħalli warajha vittmi, m’għandha qatt tiġi ġġustifikata. Il-vittmi tal-kriminalità huma l-aktar milquta minn dan kollu u għandhom jibqgħu jingħataw kull għajnuna li għandhom bżonn. Fil-fatt, l-Aġenzija li twaqqfet ftit aktar minn sena ilu għall-vittmi tal-kriminalità, diġà tat appoġġ lil aktar minn 1,600 vittma. Dan juri kemm aktar nies qegħdin jersqu ‘l quddiem u jitkellmu dwar il-każ tagħhom.

Iżda min-naħa l-oħra, l-għajnuna trid ukoll tingħata lil min ikun wettaq ir-reat. Dan sabiex ikun żgurat li l-istess reat ma jerġax jirrepeti ruħu, jew dak li jkun ma jerġax jaqa’ fil-vizzju. Nemmnu li għalhekk huwa importanti li l-individwi li setgħu żbaljaw f’ħajjithom jingħataw ċans ieħor li jgħinhom iqumu fuq saqajhom u jsibu dik l-ispalla meħtieġa.

Iċ-Ċentru Komunitarju tal-Caritas li kien inawgurat uffiċjalment il-ġimgħa li għaddiet jaħseb ukoll għal dan, billi jingħataw servizzi soċjali lil dawk l-aktar vulnerabbli fis-soċjetà minħabba sitwazzjonijiet differenti u anke joffri appoġġ lill-qraba ta’ persuni li għaddejjin minn programm ta’ rijabilitazzjoni. 

Il-Gvern għas-sena d-dieħla qiegħed ukoll jalloka xejn inqas minn €2.8 miljun biex Caritas tkun tista’ tkompli s-servizzi tagħha fiċ-Ċentru tal-Ibwar, fiċ-Ċentru Terapewtiku ta’ San Blas kif ukoll f’Dar Charles Miceli. Din l-għajnuna li hi waħda minn sensiela, hi ta’ min ifaħħarha għax turi wkoll l-impenn soċjali li għandu dan il-Gvern li jgħin anke lil dawn in-nies sabiex jerġgħu jsibu saqajhom.

Jekk dawn l-għanijiet ikomplu jintlaħqu nkunu qed nassiguraw soċjetà aħjar għall-ġejjieni billi nkunu qed innaqqsu l-istigmi minn fuq persuni li juru bis-serjetà li jridu jirrijabilitaw. 

Ekonomija

Sport