Monday, December 23, 2024

Il-Jottijiet klassiċi tat-Trophée Bailli de Suffren b’merħba tipika Maltija

Yachting Malta tappoġġja din ir-regatta internazzjonali għat-tielet darba

Aqra wkoll

Ir-regatti tal-jottijiet klassiċi iġibu lura l-eleganza ta’ jottijiet antiki li huma sinonimi mal-eleganza, sofistikazzjoni, klassi u spirtu kompetittiv. Dan kollu huwa inkorporat fit-Trophée Bailli de Suffren, tellieqa ta’ 590 mil nawtiku li tikkombina is-sbuħija tal-jottijiet li qed jieħdu sehem, l-ispirtu kompetittiv iżda b’sens qawwi t’irġulija kif ukoll xi wħud mill-isbaħ portijiet fil-Mediterran li jiffurmaw parti mit-tellieqa. 

It-tellieqa, li din is-sena ċċelebrat l-għoxrin edizzjoni tagħha, tieħu isimha minn ammirall Franċiż famuż tas-seklu 18, Pierre André de Suffren de Saint-Tropez li għadda l-ewwel snin tal-karriera marittima tiegħu f’Malta. Waqt li kien f’Malta hu rċieva t-titlu ta’ “Bailli de Suffren“mill-Kavallieri ta’San Ġwann. It-tielet iben tal-Markiż de Saint Tropez, kap ta’familja ta’nobbli ġewwa  Provence, Pierre André kien magħruf mill-baħrin u l-għedewwa tiegħu bħala “Ammirall Satana”. L-avventuri tiegħu kienu tawħ reputazzjoni ġo Franza komparabbli mall-Brittaniku Horatio Nelson.

“It-Trophee Bailli de Suffren hija l-aqwa wirja tal-jottijiet klassiċi. Hi tikkombina l-passjoni għat-tbaħħir, l-istorja u l-esplorazzjoni f’xi wħud mill-isbaħ postijiet fil-Mediterran. Is-swar medjevali ta’Malta ma setgħux jipprovdu sfond aħjar għal dawn il-jottijiet, li s-sbuħija tagħhom hija l-xempju klassiku tal-eleganza tagħhom.” ikkummenta s-Sur John Huber, Chairman, Yachting Malta.

It-tellieqa ta’ din is-sena laqgħet erbatax-il jott f’Malta. Fi triqthom lejn Malta l-flotta setgħet tgawdi waqfien f’portijiet storiċi oħra fuq ir-rotta – Bonifacio (Korsika), Trapani (Sqallija), Mġarr (Għawdex) u l-Belt Valletta (Malta).

Il-battalja biex tintrebaħ ix-Xabla tal-Ammirall Satana dejjem kienet l-għan primarju ta’din it-tellieqa. Din is-sena, għall-ewwel darba fl-istorja tat-tellieqa, tliet jottijiet spiċċaw it-tellieqa bl-istess numru ta’punti – Moonbeam of Fife (Olivier Lamit), Hilaria (Philippe Thurneyssen) u Ratafia (Carl Ollivier). Ibbażat fuq in-numru ta’rebħiet ta’ dan tal-aħħar, Ratafia kisbet it-titlu tad-19-il Ammirall Satana. 

Għall-avveniment ta ’din is-sena Yachting Malta investiet f’ekwipaġġ internazzjonali tat-televiżjoni biex issegwi t-tellieqa mill-bidu f’Saint Tropez sa meta spiċċat f’Marsamxett. Dan id-dokumentarju se jkun trasmess fil-programm Inside Sailing li se jintwera f’aktar minn 895,000,000 familja madwar id-dinja.

Id-diversi premjijiet lir-rebbieħa, fid-diversi kategoriji, ingħataw f’serata ospitata minn Yachting Malta fir-Royal Malta Yacht Club.

“Huwa ta’ pjaċir li Yachting Malta tat l-appoġġ dan l-avveniment għal darb’oħra. Avvenimenti bħal dawn jagħtuna l-opportunità li nuru naħa oħra tal-potenzjal ta’ Malta għal avvenimenti bħal dawn.” ikkonkluda John Huber.

Għal din l-okkażjoni ċ-Chairman ta’ Yachting Malta s-Sur John A Huber u l-Commodore tar-Royal Malta Yacht Club David Cremona ġew onorati bit-titlu ta’ Chevalier Corsaires tal-Ordre National des Chevaliers Corsaires Du Bailli De Suffren. Dan it-titlu ġie mogħti għall-impenn u l-appoġġ tagħhom lejn dan l-avveniment prestiġjuż.

www.yachtingmalta.org

Ekonomija

Sport