Thursday, March 20, 2025

Il-judo mhux biss sport imma wkoll esperjenza fiżika, mentali u kulturali li minnha tiggwadanja fil-ħajja ta’ kuljum – Ivan Esposito

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-judo?

Ġejt introdott għall-judo fl-1978 meta kont venture scout. Dan eventwalment wassal biex grupp minna waqqafna Tigne Judo Club fl-1979 meta tnediet l-Assoċjazzjoni Sportiva Tigne.

Iddeskrivi r-rwol tiegħek bħala kowċ tal-judo, fejn fost oħrajn int ukoll il- kowċ tat-tifla tiegħek u judoka ewlenija f’pajjiżna, Katryna Esposito.

Ilni involut fil-kowċing għal aktar minn għoxrin sena, fil-bidu bħala wieħed mill-kowċis tal-klabb, iżda aktar tard bl-għajnuna ta’ kowċis oħra, waqqafna pool tat-tim Nazzjonali tal-kadetti. Madwar tmien snin ilu, u wara l-esperjenza internazzjonali tiegħi bħala atleta fil- kata, ridt intejjeb lili nnifsi teknikament. Għalhekk, ma’ kowċis oħra Maltin, mort għall-kwalifiki tal-Livell I, Istruttur, u Livell II, Kowċ, tal- IJF li dak iż-żmien kienu ġew introdotti mill-International Judo Federation. Jien ukoll kowċ kwalifikat Livell III mal-Università ta’ Semmelweiss. Kelli wkoll ix-xorti li nara kowċis barranin tajbin ħafna u nitgħallem minnhom. Rigward kowċing it-tifla tiegħi, Katryna, il-kowċing tat-tfal tiegħek stess għandu l-benefiċċji u l- iżvantaġġi tiegħu!

Kif tqis il-livell tal-judo f’pajjiżna fil-preżent, u kif rajtu jinbidel tul is-snin?

Il-livell attwali tal-judo f’Malta huwa varjabbli ħafna. Għandna atleti li laħqu livell għoli ħafna fix-xena internazzjonali iżda ma jsibux sieħeb / sieħba għal taħriġ lokalment. Dan jagħmilha diffiċli kemm għall-kowċ kif ukoll għall-atleta u jillimita l-progressjoni għal-livell ogħla. L-unika għażla hija li tivvjaġġa fuq programm professjonali fuq erba’ snin jekk wieħed ikun qed jimmira li jikkwalifika għal- Logħob Olimpiku. Issa ninsabu fl-istadju li għandna atleti li mhux biss jipparteċipaw, iżda fil-fatt jistgħu jikkompetu fl-ogħla livelli. L- għażla l-oħra hija li tirriloka barra minn Malta u tissieħeb ma’ klabb ta’ livell għoli. Dan jippermetti ambjent aktar stabbli u segwitu eqreb mill-kowċis, jivvjaġġaw għal kampijiet ta’ taħriġ u kompetizzjonijiet internazzjonali. Fil-fatt dan huwa dak li kellha tagħmel Katryna sabiex tagħmel ċiklu Olimpiku ieħor. Ifisser ukoll li peress ma’ għandhiex kowċ nazzjonali ghall-kbar li jakkumpanjaha għal avvenimenti bħal dawn, meta possibbli, nakkumpanjaha bħala kowċ, peress li jien kwalifikat biex nagħmel dan.

Il-judo f’Malta għaddej minn fażi tranżitorja, b’ħafna klabbs jiffaċċjaw problemi ta’ numri limitati ta’ membri, minħabba numru ta’ raġunijiet. Wara kollox huwa sport iebes li jirrikjedi grad ta’ awtodixxiplina u sagrifiċċju, speċjalment jekk qed timmira li tkun tista’ tikkompeti fix-xena internazzjonali. Illum il-ġurnata, hemm ħafna affarijiet, fosthom sports differenti, jikkompetu għall- attenzjoni  tat-tfal  u  l-judo,  għalkemm  wieħed  mill-isports  ta’ suċċess għal Malta, ma tantx għandu espożizzjoni. Hawnhekk nixtieq nirringrazzja lilek u ġurnalisti bħalek li tagħtu leħen lil sports lokalment żgħar.

U dak tar-riżorsi fejn titħarrġu u jkolllkom il-kompetizzjonijiet uffiċjali tagħkom?

Bħala Tigne Judo Club, aħna xxurtjati ħafna li għandna faċilitajiet tajbin ħafna u avvanzati li huma l-għira ta’ ħafna klabbs internazzjonali li jżuruna. Fl-aħħar tal-ġurnata, mhumiex il-faċilitajiet li jimpurtaw, iżda l-ġuħ tal-atleta biex jirnexxi. Rajt klabbs barra minn Malta li huma umli ħafna bhala facilitajiet, iżda li jipproduċu regolarment champions Ewropej, Mondjali u Olimpiċi. F’Malta għandha ħafna faċilitajiet ta’ livell għoli li l-poplu mhux dejjem jieħu vantaġġ ta’ dan biex jipparteċipa fi sports differenti u jtejjeb is- saħħa fiżika u mentali tiegħu.

Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fil-judo?

Inħobb dan l-isport b’passjoni, iżda nagħraf li wasal iż-żmien li nwarrbu u nagħtu ċ-ċans liż-żgħażagħ jiżviluppaw l-isport f’direzzjoni li jaħsbu li hija aħjar. Faċli biex tibqa’ f’ċerti pożizzjonijiet meta jkun wasal iż-żmien li twarrab u l-periklu huwa li tistaʼ toħnoq l-istess ħaġa li tħobb. Il-mexxejja f’kull klabb u assoċjazzoni jridu jkunu jafu meta wasal iż-żmien li jbaxxu rashom bil-grazzja u jimxu ‘l quddiem. Il-kwistjoni li niffaċċjaw hija li ftit li xejn hemm judokas li lesti jimlew dak l-ispazju u dan huwa l-aktar aspett inkwetanti għall- isport lokali.

Minbarra li jien kowċ, jien ukoll id-Direttur Mediku għall- Federazzjoni Maltija tal-Judo u ilni uffiċjal mediku għal 38 sena. Li ssib xi ħadd li jifhem l-isport u li huwa kwalifikat medikament, minbarra li lest li jagħmel dan ix-xogħol volontarju hija kwistjoni oħra.

Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fil-judo.

Għall-qarrejja tagħkom, ngħid li l-Judo ġie ppruvat li huwa wieħed mill-aqwa sports ta’ żvilupp. Jgħallem id-dixxiplina, ir-rispett, il- litteriżmu fiżiku u l-kunfidenza. Huwa sport bi spejjeż baxxi meta mqabbel ma’ sport ieħor aktar popolari. Il-kowcis huma kwalifikati fl-ogħla livell, u hemm kodiċi ta’ kondotta stretta. Għandna atleti li wrew li inti tista’ tikseb l-ogħla livelli fil-judo kompetittiv u xorta tikseb riżultati għoljin akkademikament. Huwa sport li jippresta lilu nnifsu għal ‘dual career’. Fl-aħħarnett il-benefiċċji tal-judo kata, jippermettu li wieħed ikompli l-isport f’età aktar avvanzata u l-evidenza turi li jista’ jnaqqas il-waqgħat fl-anzjani u jnaqqas l- inċidenza ta’ korriment serju meta sseħħ waqgħa.

Il-judo mhux biss sport imma wkoll esperjenza fiżika, mentali u kulturali li minnha tiggwadanja fil-ħajja ta’ kuljum.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport