Illum, l-4 ta’ Frar, qed jiġi ċċelebrat il-Jum Dinji ddedikat għal aktar kuxjenza dwar il-kanċer. Marda li sfortunatament, b’xi mod jew ieħor, tmiss lil kull familja jew inkella nisimgħu b’esperjenzi ta’ nies li jkunu għaddew jew għaddejjin mis-sofferenza li din iġġib magħha.
Il-ġurnata tal-lum timmarka wkoll il-bidu tat-tieni fażi tal-kampanja globali, li hija mifruxa fuq tliet snin, bit-tema “Close the Care Gap”. Din il-kampanja rajna l-bidu tagħha s-sena l-oħra, bl-enfasi tkun fuq il-bżonn li nifhmu aktar din ir-realtà mentri dik ta’ din is-sena tiffoka fuq li ningħaqdu flimkien u nieħdu azzjoni.
Minn żmien għal żmien, toħroġ informazzjoni dwar is-sitwazzjoni tal-kanċer fil-pajjiżi rispettivi u r-rata ta’ suċċess fil-kura għal din l-istess marda. F’Malta, l-istatistika turi li kull sena qed jinstabu mal-2,500 każ ġdid ta’ kanċer u madwar 1,000 minnhom imutu, tant li llum, il-kanċer qed ikun il-kawża primarja ta’ 30% tal-imwiet kollha f’pajjiżna.
Minbarra f’hekk mal-50% tal-pazjenti li jinstab li għandhom il-kanċer f’Malta qed jgħixu medja ta’ aktar minn għaxar snin. Dan ġie nnutat mill-President ta’ Malta George Vella nnifsu waqt konferenza li ttellgħet ilbieraħ min-National Cancer Platform fl-okkażjoni tal-Jum Dinji tal-Kanċer.
Dawn iċ-ċifri juru l-bżonn ta’ aktar investiment f’dak li huma riżorsi finanzjarji u umani hekk kif f’ċertu każi jirriżulta li jkun hemm bżonn ta’ kura speċjalizzata u personalizzata. Mill-banda l-oħra, wieħed ma jistax ma jirrikonoxxix l-avvanzi kbar li saru fil-kura kif ukoll ir-rata ta’ suċċess li qed jikseb pajjiżna fil-ġlieda kontra l-kanċer.
Mhux darba jew tnejn li minn dawn il-kolonni sħaqna fuq il-bżonn tal-prevenzjoni u l-ħtieġa ta’ aktar kampanji ta’ għarfien sabiex wieħed jittestja lilu nnifsu jew iżomm ruħu attiv u san kemm jista’ jkun.
Huwa pożittiv li wieħed jinnota li aktar persuni qegħdin jilqgħu l-istedina li ssirilhom mill-awtoritajiet u qed jersqu ‘l quddiem biex jagħmlu t-testijiet meħtieġa. Qed nirreferu għall-iscreening li jsir tal-kanċer tas-sider fost in-nisa u l-iscreening tal-musrana l-kbira fost oħrajn. Ma’ dawn, ma nistgħux ma nsemmux ukoll iż-żieda ta’ aktar mediċini tal-kanċer fuq il-formularju tal-Gvern.
Ninnutaw ukoll b’sodisfazzjon l-aħbar li ħarġet aktar kmieni din il-ġimgħa fejn fiż-żmien qarib, pazjenti tal-kanċer ċervikali mhux se jkollhom bżonn jivvjaġġaw lejn Londra biex jieħdu l-kura meħtieġa. Dan billi l-implimentazzjoni tal-‘gynae-oncology brachytherapy’ se tibda ssir f’Malta dalwaqt, hekk kif ingħataw fondi sabiex tinġieb din it-terapija f’pajjiżna.
Quddiem dan kollu, nemmnu li bħala Maltin għandna għax inkunu kburin li s-servizz tas-saħħa mhux biss huwa wieħed mill-aqwa imma wkoll bla ħlas għal kulħadd.
Xieraq ukoll li f’dan il-jum insellmu lill-ħaddiema kollha f’dan is-settur tal-ħidma tagħhom b’tant dedikazzjoni u mħabba. Ħidma fis-skiet imma li tagħti prijorità u tpoġġi fuq quddiem is-saħħa tal-pazjent u li għalhekk għandha tiġi apprezzata mill-poplu.