Wednesday, March 19, 2025

Il-Jum Internazzjonali tal-Mara 2025 … Flimkien nistgħu neliminaw id-differenza fil-pagi bejn is-sessi

Aqra wkoll

Il-Jum Internazzjonali tal-Mara jiġi ċċelebrat globalment fit-8 ta’ Marzu biex jonora l-kisbiet tan-nisa u jippromwovi l-ugwaljanza bejn is-sessi. It-tema magħżula għal din is-sena hija “Aċċellera l-Azzjoni.” Tema li tenfasizza l-ħtieġa urġenti li jittieħdu passi deċiżivi lejn il-kisba tal-ugwaljanza bejn is-sessi, jiġi indirizzat ir-ritmu tal-progress li jeħtieġ li jitħaffef, u s-setgħa lin-nisa madwar id-dinja.

Il-General Workers’ Union dejjem emmnet u saħqet fil-parteċipazzjoni sħiħa tal-mara u dan tixhdu anke fil-Ftehim Kollettivi u d-djalogu soċjali. Bħalissa tinsab tmexxi wieħed mill-proġetti fl-Unjoni Ewropea ddedikati għad-Direttiva dwar it-Trasparenza fil-Pagi. Dan il-proġett huwa dwar azzjonijiet konġunti ta’ organizzazzjonijiet tal-ħaddiema u min iħaddem biex titnaqqas id-differenza fil-pagi bejn is-sessi. 

Filwaqt li ntlaħaq ftehim fost il-pajjiżi fl-Unjoni Ewropea biex mis-sena d-dieħla tidħol fis-seħħ din id-Direttiva, li hi indikatur importanti għall-ugwaljanza bejn is-sessi, qed ikollha reżistenza min-naħa ta’ min iħaddem.

“L-obbligi li jiġu rapportati l-pagi huma għodda importanti ħafna biex titnaqqas id-differenza fil-pagi bejn is-sessi u kull tentattiv biex tiddgħajjef din id-Direttiva dwar it-Trasparenza tal-Pagi se tkun qed issarraf fi ħsara ekonomika għall-ħaddiema kollha, speċjalment in-nisa,” qal is-Segretarju Ġenerali tal-GWU Josef Bugeja.

Waqt konferenza stampa li saret din il-ġimgħa dwar ir-riżultati lokali li nħarġu minn analiżi li saru f’pajjiżna huwa saħaq li hi moralment, etikament u legalment ħażina li wieħed jagħmel diskriminazzjoni a bażi tal-ġeneru.

“Meta l-kumpaniji jkunu magħqudin ma’ trejd unjin, din id-diskriminazzjoni tista’ tgħid li tkun ineżistenti. Hekk kif dawn it-tip ta’ abbużi jiġu indirizzati minnufih billi l-pagi huma parti mill-Ftehim Kollettiv. Fejn kull membru jkollu kopja tiegħu biex ikun jaf il-ħlas tiegħu skont ix-xogħol tiegħu u mhux a bażi tal-ġeneru.”

Qal li għalhekk jeħtieġ li jkun hawn aktar miżuri li jirregolaw, jinfurzaw, u jimmonitorjaw aktar biex titnaqqas id-differenza inġusta fil-pagi u kull abbuż jew ostaklu jitneħħa.

“Aħna se nkomplu nimbottaw biex dawn il-bidliet isiru mingħajr telf ta’ aktar żmien. Waħda mill-valuri tal-GWU hija l-ugwaljanza u huwa għalhekk li qegħdin naħdmu biex kulħadd jiġi ttrattat indaqs,” temm jgħid is-Segretarju Ġenerali.

Il-GWU tixtieq tawgura Jum il-Mara mill-isbaħ lin-nisa kollha.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport