Monday, November 4, 2024

Il-Kabinett iddeċieda li jagħti kumpens ta’ €3 miljun lill-vittmi tat-thalidomide

Aqra wkoll

Il-Kabinett tal-Ministri qabel li jingħata kumpens ta’ €3 miljun bħala arranġament finali għal dawk li kienu vittmi tat-thalidomide li għadhom ħajjin. Fil-ġimgħat li ġejjin, se jiskatta l-proċess biex bord indipendenti mmexxi minn esperti mediċi, jibda l-proċess ta’ assessjar ta’ kull każ li għandna f’Malta.

Ħabbret dan il-Ministru għall-Inklużjoni, il-Volontarjat u d-Drittijiet tal-Konsumatur Julia Farrugia Portelli fil-ħin tal-aġġornament parlamentari fejn qalet li l-imsemmi proċess irid jistabbilixxi jekk dawn il-persuni humiex tassew vittmi tat-thalidomide u jekk iva, kemm huwa l-persentaġġ ta’ diżabilità li kkawżatilhom din il-mediċina.

Hija spjegat kif tul dawn l-aħħar xhur, il-Ministeru tal-Inklużjoni nieda appell pubbliku sabiex ikun stabbilit kemm hawn persuni li jaħsbu li huma vittmi ta’ din is-sitwazzjoni u mill-eżerċizzju li sar resqu ‘l quddiem 34 persuna.

“Lilkom li għadkom ħajjin u li mit-twelid kellkom tgħaddu u tgħixu minn din it-tbatija.. l-ebda kliem ma jista’ qatt isolvi jew iħoll l-uġigħ, ir-rabja… u t-trawma psikoloġika li ġarrejtu magħkom għal dawn is-snin kollha.”

“L-inqas ħaġa li stajt nagħmel bħala membru parlamentari u bħala Ministru hu li nismagħkom, nagħdirkom u li nkun il-vuċi tagħkom. L-ebda apoloġija mhu se treġġa l-arloġġ lura. L-ebda apoloġija mhu se ssewwi dak li ġara. Imma l-mument tal-lum minnu nnifsu fih sinjifikat,” qalet il-Ministru Farrugia Portelli.

Hija qalet li kien dejjem Gvern Laburistat li kien pijunier fil-ġustizzja soċjali. Qalet li anke jekk mhux tort ta’ din l-amministrazzjoni jew ta’ ammistrazzjoni Laburista, dan il-pass kuraġġuż irid isir. “Anke jekk ma kontx preżenti dakinhar f’din il-Kamra, nitlob maħfra kollettiva,” tenniet il-Ministru Farrugia Portelli.

Hija temmet tirringrazzja lil dawk kollha li għenu u ħadmu f’din l-aħħar sena u nofs biex parti minn din il-kobba tibda tinħall.

Sport